Formula 1 Sport

Max Verstappen jirbaħ fiċ-ċirkwit ta’ Hockenheim f’Grand Prix mill-isbaħ … Hamilton itemm fil-11-il post

(Ritratt: EPA)

Max Verstappen ta’ Red Bull kiseb it-tieni rebħa fl-aħħar tlett itlielaq meta rebaħ il-Grand Prix tal-Ġermanja fiċ-ċirkwit ta’ Hockenheim. Din kienet is-seba’ rebħa u s-26 podju fil-karriera tal-Olandiż filwaqt li Red Bull rebħu għall-ewwel darba f’dan iċ-ċirkwit. It-tellieqa kienet mill-isbaħ, dominata mill-kundizzjoni tat-temp hekk kif ix-xita kienet il-protagonista tat-tellieqa u s-Safety Car kellha toħroġ diversi drabi.

Sebastian Vettel b’xi mod irnexxielu jtemm fit-tieni post fi tmiem il-ġimgħa diffiċli għal Ferrari hekk kif wara d-diffikultajiet fil-provi uffiċjali, Charles Leclerc spiċċa barra mit-tellieqa wara li tilef il-kontroll tal-karozza. Daniil Kvyat ta’ Toro Rosso kiseb it-tielet post, f’dak li hu t-tielet podju għalih u t-tieni wieħed għat-tim tiegħu.

Diżappunt kbir għal Mercedes f’dik li kienet il-200 Grand Prix tagħhom. Valtteri Bottas tilef il-kontroll tal-karozza u spiċċa barra filwaqt li Lewis Hamilton spiċċa fil-11-il post wara li tilef il-kontroll tal-karozza darbtejn iżda baqa’ fit-tellieqa, għadda minn penalità ta’ ħames sekondi, minbarra żball f’waħda mis-sitt pit stops li għamel.

Lance Stroll ta’ Racing Point spiċċa r-raba’ segwit minn Carlos Sainz ta’ McLaren, Alexander Albon ta’ Toro Rosso. Kimi Raikkonen u Antonio Giovinazzi ta’ Alfa Romeo temmew fis-seba’ u t-tmien post rispettivament segwiti miż-żewġ sewwieqa ta’ Haas Romain Grosjean u Kevin Magnussen.

Fil-klassifika tas-sewwieqa, Lewis Hamilton baqa’ b’223 punt u żamm il-vantaġġ ta’ 39 punt fuq Valtteri Bottas. Max Verstappen issa jinsab b’162 punt qabel Sebastian Vettel li għandu 141 punt u Charles Leclerc li baqa’ b’120 punt. It-tellieqa li jmiss issir il-ġimgħa d-dieħla fiċ-ċirkwit ta’ Hungaroring fl-Ungerija.