F’intervista li saret il-Ħadd filgħodu fuq ir-radju tal-Partit Laburista, jidher li l-Mexxej Laburista Joseph Muscat kompletament qed jinsa affarijiet li ġraw ftit tax-xhur ilu … affarijiet li huma importanti ħafna għal tmexxija tajba ta’ pajjiżna.
Kif kien wera biċ-ċar ir-rapport ta’ Greco, is-sistemà ġudizzjarja ta’ pajjiżna tinsab ipparalizzata sakemm l-istituzzjonijiet ta’ pajjiżna se jibqgħu maħkuma mill-Gvern. Il-Greco kkonkluda wkoll li għandhom isiru sforzi ferm akbar biex il-ġlieda kontra l-korruzzjoni titteħed b’serjetà.
Ir-rapport tal-Greco jikkritika l-fatt li ma ttieħdet l-ebda azzjoni dwar il-Ministru Konrad Mizzi u ċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri u jiġi kkritikat ukoll għaliex għadu qed jirrifjuta inkjesta pubblika dwar il-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, kif ilu jitlob il-Partit Nazzjonalista.
Madanakollu, Muscat qed jibqa’ jinsisti li l-Unjoni Ewropeja hi favur kif qed jitmexxa pajjiżna mill-Gvern Laburista.
Fit-tieni parti tal-intervista, Muscat qal li l-Gvern kontinwament qed jaħdem biex pajjiżna jkun ugwali. Madanakollu f’statistika uffiċjali fuq ix-xogħol li nħarġet fl-aħħar xhur mill-Eurostat uriet biċ-ċar li “l-mara Maltija spiċċat l-agħar fl-Ewropa”.
Dan hekk kif hemm differenza ta’ 22.3% bejn l-ammont ta’ nisa u ta’ irġiel li jaħdmu f’pajjiżna. Dan filwaqt li d-differenza fil-pagi kompliet tiżdied fl-aħħar snin. B’hekk dan juri biċ-ċar li l-ugwaljanza taħt dan il-Gvern, iktar ma jmur iktar sejra lura, l-oppost li qed isostni Muscat.
Minn naħa l-oħra, il-Partit Nazzjonalista kontinwament qed jaħdem favur din il-kwistjoni iżda ftit li xejn qed jingħata widen. Dan hekk kif fl-aħħar xhur il-Membri Parlamentari Ewropew ħadmu favur din il-kwistjoni filwaqt li kien hemm ukoll manifest elettorali tal-Partit Nazzjonalista b’ħidma sħiħa favur l-ugwaljanza tal-mara fis-soċjetà Maltija.
Dan filwaqt li Muscat iddeċieda li kompetament jinjora protesta taħraq li saret fl-istess ħin tal-intervista, liema protesta uriet li mijiet ta’ persuni m’humiex kuntenti bit-tmexxija u d-deċiżjonijiet b’nuqqas ta’ ħsieb li qed jittieħdu mill-Gvern Laburista.
//= $special ?>