Żagħżugħ fil-periklu tal-mewt wara li tah attakk tal-qalb fil-baħar

Mill-arkivji

Żagħżugħ jinsab fil-periklu tal-mewt wara li sab ruħu f’diffikultà waqt li kien qed jgħum għall-ħabta tat-3 ta’ wara nofsinhar fil-bajja tal-Balluta, f’San Ġiljan.

Il-vittma, Brażiljan ta’ 19-il sena ttella’ fuq ix-xatt minn raġel ieħor li kien fil-viċinanzi. Hekk kif ittella’, persuni tas-salvataġġ tas-Salib l-Aħmar tawh l-ewwel għajnuna hekk kif tah attakk tal-qalb. Fuq il-post issejħet ambulanza li ħadet liż-żagħżugħ l-Isptar Mater Dei sabiex jingħata l-kura meħtieġa.

Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Rachel Montebello li ħatret diversi espert sabiex jassistuha fl-inkjesta li ġiet appuntata.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar dan il-każ għadhom għaddejjin.

Intant, madwar l-istess ħin persuna tas-salvataġġ ħarġet b’jetski diversi drabi fil-bajja ta’ Għajn Tuffieħa biex jassisti diversi għawwiema, li l-etajiet tagħhom tvarja bejn is-6 snin u l-55 sena.

Sfortunatament, diversi persuni ddeċidew li jinjoraw il-bandiera l-ħamra b’riżultat li diversi persuni tas-salvataġġ issograw ħajjithom fl-ibħra Matin.

Jidher li tim tas-Salib l-Aħmar intalbu l-assistenza tagħhom fil-bajja tal-Għadira hekk kif kien hemm xi persuna li soffriet xi feriti.