Futbol Sport

Birkirkara se jibdew id-difiża tat-titlu kontra Hibernians

(Ritratt: Domenic Aquilina)

Iċ-champions Birkirkara se jibdew id-difiża tat-titlu kontra r-rivali Hibernians hekk kif fl-uffiċini tal-MFA telgħu l-poloz tal-kampjonat tan-nisa. Mġarr United li l-istaġun li għadda kellhom temmew it-tieni, se jibdew kontra Kirkop United filwaqt li Swieqi United jiltaqgħu kontra Raiders Għargħur fl-ewwel ħarġa tal-logħba.

Minħabba li hemm seba’ timijiet, Mosta jidħlu fl-azzjoni fit-tieni ġurnata kontra Mġarr United. Il-kampjonat tan-nisa se jkun milgħub fuq tliet rawnds u jibda fit-8 ta’ Ottubru, bil-finali tas-Super Cup bejn Birkirkara u Mġarr United hi skedata għal Diċembru.

Kampjonati oħra

Ilbieraħ telgħu wkoll il-poloz tal-ewwel ġurnata tal-kampjonati ta’ taħt il-15 u d-19-il sena. Tmien timijiet se jieħdu sehem fil-kampjonat ta’ taħt id-19-il sena, bil-kampjonat se jintlagħab fuq żewġ rawnds u jibda fid-29 ta’ Settembru. L-ewwel ġurnata hi Raiders Għargħur v Swieqi United, Mtarfa v Mġarr United, Mosta v Kirkop United, Birkirkara v Hibernians.

Il-kampjonat ta’ taħt id-19-il sena jibda fit-12 ta’ Ottubru u se jkun hemm disa’ timijiet li jipparteċipaw, f’kampjonat li se jkun milgħub fuq żewġ rawnds. L-ewwel ġurnata hi Żebbuġ Rangers v Raiders Għargħur, Mtarfa v Senglea Athletic, Mġarr United v Swieqi United u Kirkop United v Birkirkara. Mosta jagħmlu d-debutt fil-kampjonat fit-tieni ġurnata.