Raġel ta’ 38 sena li jinsab f’Malta bħala turist u li l-ewwel qal lill-Pulizija li jismu Mirko Horvat, Kroat minn Zagreb, fil-Qorti qal li huwa Serb bl-isem ta’ Mijailo Draskovic ammetta li nhar il-Ħadd li għadda għall-ħabta tal-4.00 a.m. spara b’pistola f’San Pawl il-Baħar.
Ir-raġel ammetta quddiem il-Maġistrat Josette Demicoli li waqt li kien fis-sara huwa spara b’pistola tal-arja tal-marka ASG f’post pubbliku u abitabbli. Huwa ammetta li wara li spara xi tiri fl-ajru, spara fuq karozza privata li kienet ipparkjata fil-post.
Huwa ammetta wkoll li ma kienx kapaċi jieħu ħsieb tiegħu nniffsu peress li kien xurban, li kiser il-mistrieħ tan-nies bi ħsejjes u għajjat u li kellu fil-pusses tiegħu arma bla liċenzja.
Fil-Qorti ġie deċiż li l-ħati juri lis-Supretendent Mario Haber li mexxa l-Prosekuzzjoni fejn jinsab residenti f’Malta u dan biex tkun tista’ ssir il-verifika dwar l-isem tiegħu. Haber qal li meta ġie arrestat ir-raġel qallu li huwa Kroat u sa urieħ dokument li kellu fuq il-mobajl b’ritratt tiegħu li juri li kien Mirko Horvat mill-Kroazja.
Is-Supretendent Haber qal li ma jistax jifhem kif issa qabel ma daħal fl-awla fil-Qorti, l-ħati qallu li kien Serb, bl-isem ta’ Mijailo Draskovic. Kompla jgħid li jekk isib li l-ħati pprova jqarraq kien se jżidlu akkuża oħra, dik ta’ falsifikazzjoni ta’ isem jew dokument. Għaldaqstant ġie deċiż li s-sentenza f’dan il-każ tingħata nhar il-Ħamis, l-1 ta’ Awwissu. Għall-ħati deheret l-Avukat Graziella Tanti.
//= $special ?>