Lokali

“Determinat li nirnexxu” – Adrian Delia

“Aktar minn qatt qabel ninsab determinat li nimplimenta l-bidliet kollha meħtieġa. Issa huwa ż-żmien li nħarsu ‘l quddiem b’determinazzjoni u ħila li nirnexxu.” Hekk sostna l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia f’artiklu fuq Times of Malta intitolat ‘All Hands on Deck’.

Adrian Delia qal li wara l-votazzjoni tas-Sibt li għadda, fejn 92% tal-Kunsilliera tal-PN tkellmu bil-vot tagħhom, issa d-deċiżjonijiet għandhom jittieħdu, u rridu nimxu ‘l quddiem flimkien. Mil-lum, hemm xogħol xi jsir minn kull wieħed u waħda minna f’kull livell ta’ tmexxija tal-Partit.

Fl-artiklu Adrian Delia sostna li jirrikonoxxi u jirrispetta lil dawk li vvutaw ‘LE’, fejn il-verdett tagħhom hu wkoll importanti għalih. Il-Kap tal-PN qal li meta kien fdat bit-tmexxija  tal-Partit, kien jaf li se tkun triq għat-telgħa, u sal-lum qed ikompli jiffaċċja numru kbir ta’ sfidi.

Huwa qal li qatt ma’ kien persuna li jibża’ mill-isfidi… it-tmexxija teħtieġ kuraġġ, reżistenza u perseveranza. Il-vot tas-Sibt jimmotivah aktar biex jimplimenta l-bidliet mistennija minn ħafna fi ħdan il-Partit.

Insista, li l-vot tas-Sibt mhux riassigurazzjoni li issa kollox huwa sempliċi u li l-problemi ġew riżolti. Għall-kuntrarju… Adrian Delia jisħaq li jinsab konxju li l-votanti li qalu Iva qed jistennew li hu bħala mexxej tal-Partit jirdoppja l-isforzi tiegħu biex jirriforma, jiġġenera u jagħmel lill-PN partit verament inklussiv u alternattiva kredibbli għall-Gvern attwali.

Adrian Delia saħaq li jinsab impenjat li jbiddel dak kollu li hemm bżonn fosthom li jkun hemm organizzazzjoni aħjar fi ħdan il-Partit. “Għandna nwasslu Politika ċara li tirrifletti r-realtajiet li qed ngħixu fihom illum.“, sostna Adrian Delia.

Il-Kap tal-PN temm il-messagg tiegħu billi qal li aktar minn qatt qabel jinsab determinat li jimplimenta l-bidliet kollha meħtieġa u li n-nies qed tistenna li jsiru. “U issa huwa ż-żmien li nħarsu ‘l quddiem b’determinazzjoni li nirnexxu”.