Tliet irġiel ġew ikkundannati disa’ xhur ħabs wara li ammettew li kkommettew għadd ta’ serqiet minn “handbags” fi spazju ta’ jumejn fil-Belt, Valletta. Kien bejn it-23 u l-25 ta’ Lulju li għadda li t-tliet irġiel li għandhom fuq l-40 sena, Mohamed Berkouk, Maalem Abderrahmane u Lazhari Zamouche, kollha mill-Alġerija, wettqu serqa minn fuq erba’ persuni.
Il-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispettur Jeffrey Scicluna tagħat din l-informazzjoni quddiem il-Maġistrat Josette Demicoli. L-irġiel ġew Malta mill-Italja bl-intenzjoni li jisirqu qal il-Prosekutur, fejn saħaq li dan kollu qed ikun ta’ impatt negattiv fuq dan it-tip ta’ reat li qed ikollu fuq it-turiżmu.
Bħala ammont insterqu madwar €2,400, qal l-Ispettur Scicluna. L-Avukati Graziella Tanti u Dustin Camilleri, li deheru bħala l-Avukat tal-Għajnuna Legali għall-ħatja qalu li dawn għandhom il-familja tagħhom li qed tistennihom imorru lura f’pajjiżhom.
Wara li l-Qorti tagħthom il-ħin biex jikkonsidraw l-ammissjoni tagħhom, l-irġiel ġew ikkundannati disa’ xhur ħabs u ordnati li jħallsu lura l-flus li serqu fi żmien sitt xhur.
//= $special ?>