Lokali Qorti

Id-Direttur tal-Ħabs jgħid li l-problema tad-droga hija xi ħaġa tal-passat u “ġiet eradikata”

Il-familjari ta’ priġunieri li jinsabu jservu sentenza fil-ħabs jistgħu issa jorqdu aktar moħħom mistrieħ peress li l-problema ta’ droga li kien hemm ġewwa l-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin issa hija xi ħaġa tal-passat.

Dan ħareġ minn xhieda li ngħatat fil-Qorti mid-Direttur tal-ħabs stess il-Kurunell Alex Dalli. “Id-drogi ġew eradikati mill-ħabs” kienu l-kliem tad-Direttur meta huwa kien qed jixhed fil-każ tar-raġel li ġie kundannat sentejn ħabs wara li ħebb u hedded lill-Ispettur Kylie Borg.

Dalli qal li ħadd mis-660 priġunier, li jinkludu li r-raġel li ħebb għall-Ispettur Borg u li jinsab il-ħabs, ma kkawża xi problemi. Id-Direttur tal-ħabs qal li mhux talli ma hemmx droga fil-ħabs, talli anke f’dawn l-aħħar tlieta jew erba’ xhur inqata’ l-ġlied minn din l-istituzzżjoni.

Il-Kurunell Dalli, li ħa t-tmexxija tal-ħabs f’idejh sena ilu, xehed li huwa mill-ewwel beda jiffoka fuq kif kien jaqta’ d-droga mill-ħabs li kienet waħda eċċessiva. Huwa naqqas id-drittijiet tal-viżitaturi, l-ikel u anke waqqaf ir-relazzjonijiet intimi li kienu permessibbli bejn il-priġunieri u l-maħbubin tagħhom.

Ir-raġel ta’ 42 sena, li dwaru xehed id-Direttur tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, minbarra li ġie kundannat sentejn ħabs, ġie mmultat
€5,000 u mpoġġi taħt ordni ta’ trattament għall-perjodu ta’ tliet snin fuq il-mod kif aġixxa fil-konfront tal-Ispettur Borg.

L-Ispettur Kylie Borg qed tixlih bi vjolenza domestika fid-dar tal-ġenituri f’Ħaż-Żebbuġ. Meta l-Qorti ċaħditlu t-talba għall-ħelsien mill-arrest, huwa qabad lill-Ispettur Borg minn spallejha, u girifha. Huwa kompla jissara magħha u jgħajjat hekk kif kien qed jinħareġ mill-kuridur tal-Qorti.

Meta kien qed jixhed nhar il-Ħamis li għadda, missieru qal li ibnu kien qed jingħata mediċina biex jaqta’ l-vizzju mid-droga, u li probabbli aġixxa b’dan il-mod minħabba li ma ngħatax it-trattament adekwat.

L-Avukat tiegħu, Michael Tanti-Dougall, ukoll qajjem dan l-aspett. Il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Joe Mifsud qalet li l-inkwiet tal-akkużat, li ismu mhux qed jixxandar biex jiġu protetti l-familjari tiegħu, peress li għadu għaddej kumpilazzjoni fuq vjolenza domestika, huwa kollu ġej mill-vizzjui li għandu ta’ dipendenza fuq id-droga.,

Il-Maġistrat Joe Mifsud kellu kliem iebes fil-konfront taż-Żebbuġi ta’ 42 sena, fejn qallu, “qed nagħtik iċ-ċans biex taqbad it-triq it-tajba, milli tkompli tħaffer il-qabar tiegħek. Ħudu dan iċ-ċans!” Il-Maġistrat Mifsud saħaq mar-raġel li beda jikkonferma u jagħti bir-ras, biex juri li qed jaqbel ma’ dak li kien qed jgħid il-ġudikant.