Il-Lira Sterlina niżlet fl-aktar livell baxx għal 28 xahar meta l-Gvern tal-Prim Ministru Britanniku, Boris Johnson, qed ‘jassumi’ li r-Renju Unit riesaq lejn Brexit mingħajr ftehim minħabba li l-Unjoni Ewropea ma tridx tinnegozja mill-ġdid it-termini tad-‘divorzju’.
Ħafna investituri jaqblu li sitwazzjoni ta’ no-deal Brexit għandha theżżeż lill-ekonomija tad-dinja, bl-ekonomija tar-Renju Unit tispiċċa ‘awtomatikament’ f’riċessjoni. It-taqlib minn din is-sitwazzjoni għandu jinħass sew anki fis-swieq finanzjarji — bil-pożizzjoni ta’ Londra bħala ċ-ċentru finanzjarju ewlieni (fuq livell internazzjonali) tispiċċa mdgħajfa.
Boris Johnson, li jiem ilu sar il-Prim Ministru ġdid tar-Renju Unit wara li rebaħ it-tellieqa għat-tmexxija tal-Partit Konservattiv fil-Gvern, jemmen li t-theddida ta’ no-deal Brexit għandha tipperswadi lill-Ġermanja u Franza (l-aktar pajjiżi influwenti fl-UE) biex jaqblu ħalli jdawwru lura l-ftehim għall-Brexit li l-eks Prim Ministru Britanniku, Theresa May, kienet ikkonkludiet, f’Novembru, mal-Mexxejja tal-Ewropa.
Il-ftehim falla tliet darbiet milli jgħaddi mill-Parlament ta’ Londra u Johnson qed jgħid ukoll li l-UE għandha twarrab għas-sistema magħrufa bħala l-backstop bil-għan li l-fruntiera bejn l-Irlanda ta’ Fuq u r-Repubblika Irlandiża tibqa’ miftuħa wara l-Brexit.
Il-backstop jirrikjedi li r-Renju Unit jibqa’ alineat mar-regoli doganali tal-UE f’każ li relazzjoni kummerċjali futura bejn Londra u Brussell ma taċċertax fruntiera (Irlandiża) miftuħa.
Is-27 Stati l-oħra tal-UE fil-preżent qed jindikaw li l-ftehim għat-tluq tar-Renju Unit mill-Unjoni (u li jinkludi l-backstop) mhux se jkun suġġett għan-negozjati – b’ħafna diplomati tal-UE qed jemmnu ‘fil-probabbiltà ta’ elezzjoni bikrija fir-Renju Unit’.
Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Britanniku għall-Affarijiet Barranin, Dominic Raab, qal li Londra qed ‘tixpruna t-tħejjijiet għal no-deal’ waqt li sostna li ‘il-Gvern ta’ Johnson irid jasal għal forma ta’ konklużjoni, f’każ li l-UE ma tkunx lesta taċċetta xi bidliet għall-ftehim attwali dwar il-Brexit’.
//= $special ?>