Tifel ta’ tmien snin tilef ħajtu — b’ommu jirnexxilha ssalva bil-ġrieħi — wara li raġel imbuttahom direttament għal quddiem ferrovija li kienet qed tivvjaġġa mill-istazzjon ta’ Frankfurt, fil-Ġermanja.
L-aħħar rapporti qalu li l-pulizija qed iżomm raġel mill-Eritrea biex jgħin fl-investigazzjonijiet tal-inċident li seħħ aktar kmieni dalgħodu.
Ix-xhieda li kienu fis-sezzjoni tal-istazzjon partikulari qalu li r-raġel ‘kellu l-ħsieb speċifiku li jimbotta lill-omm u t-tifel għal fuq il-binarji tal-ferrovija’ u li dan, imbagħad, ipprova jaħrab mill-inħawi. Ir-raġel, aktar tard, inqabad minn grupp ta’ nies li nzertaw fil-post u li ġrew warajh sakemm laħquh.
Rapporti oħrajn qalu li s-suspettat ‘anki pprova jitfa’ persuna oħra għal taħt ferrovija’ iżda ma rnexxilux.
Kelliema għall-pulizija aktar tard qalu li l-omm u t-tifel spiċċaw dritt quddiem il-ferrovija li kienet qed tavviċina b’veloċità għolja u fejn l-omm irnexxielha ssalva b’miraklu. Filwaqt li l-pulizija tinsab għaddejja bl-investigazzjoni tal-omiċidju, l-uffiċjali ma jaħsbux li s-suspettat kien jaf lill-vittmi — u fejn ma ssemma l-ebda skop għall-attakk.
Il-mara tinsab rikoverata l-isptar u ma ngħatawx dettalji tal-kundizzjoni tagħha.
Il-Ministru Ġermaniż għall-Intern, Horst Seehofer, kien qed igawdi l-btajjel tas-sajf meta waslitlu l-informazzjoni dwar l-attakk fi Frankfurt. Hu, intant, irritorna l-Ġermanja fejn beda jħejji għal-laqgħat mal-uffiċjali tas-sigurtà tiegħu.
Dan meta ‘l-istorja’ wara r-reat fl-istazzjon għadha mhix magħrufa.
//= $special ?>