Minkejja l-kritika ħarxa u li iktar minn elf persuna pprotestaw kontra l-qerda ambjentali li se jġib miegħu l-proġett Central Link, il-Ministru Ian Borg ikkonferma li se jibqa’ għaddej bil-pjani tiegħu.
“Il-pjani kif inhuma issa huma approvati mill-awtorità,” għamilha ċara il-Ministru.
Ian Borg qal li dan se jagħmlu wkoll għax il-Kunsilliera Laburisti f’Ħ’Attard jaqblu mal-proġett, avolja l-Kunsill ivvota kontra meta saret il-laqgha tal-Awtorita tal-Ippjanar.
“It-tliet kunsilliera f’isem il-Partit Laburista fil-Kunsill Lokali ta’ Ħ’Attard ġew fil-laqgħa tal-Awtorità tal-Ippjanar jagħtu s-sapport tagħhom lil Infrastructure Malta għal dan il-proġett,” stqarr Ian Borg.
Il-Ministru stqarr dan wara sensiela ta’ mistoqsijiet li sarulu, meta ġabar lill-midja kollha flimkien …iżda ta kummenti separati lill-istazzjon tal-Partit Laburista u lill-istazzjon nazzjonali.
Hu pprova jiġġustifika t-tqaċċit ta’ dawn is-siġar billi qal li kemm ilu ħaj, ra wħud minnhom imutu b’mod naturali. “F’dik it-triq li jien nitla’ u ninżel minnha kuljum, għal tlieta jew erba’ darbiet kuljum għat-33 sena li kelli, rajt siġar imutu, siġar jitqaċċtu.”
Il-Ministru pprova jiskredita wkoll lil dawk li marru jipprotestaw, billi qal li hemm eluf ta’ nies oħra li huma favur dan il-proġett. “Hemm għexieren ta’ eluf li huma favur il-proġett. Għandek Awtorità l iskrutinizzat u ħarġet il-permess għal dan il-proġett.”
Hu kien affaċċjat ukoll mill-ġurnalisti bil-fatt li f’pajjiżna qed jiżdiedu għexieren ta’ karozzi kuljum, u li minn hawn u ftit snin oħra se terġa’ tinħoloq l-istess problema. Mistoqsi x’alternattiva qed jaħseb fiha l-Gvern.
Dan wara li kien semma’ sensiela ta’ inizjattivi li diġa huma fis-seħħ imma li xorta waħda ma wasslux biex jonqsu l-vetturi mit-toroq. Fost l-oħrajn, din hi t-tweġiba tal-Ministru meta l-ġurnalisti semmew l-alternattiva tal-metro: “Qed jagħtu soluzzjoni għal 20, 25 sena oħra. Ma tistax tistenna 25 sena oħra biex ikollok soluzzjoni.”
Sadattant, fi żviluppi oħra, anke l-Ambaxxatur Malti għall-Kultura Joseph Calleja daħal bis-saħħa f’din il-kontroversja. Fuq il-midja soċjali, Joseph Callejja appella lill-awtoritajiet biex verament jisimgħu l-karba tan-nies kontra dan il-proġett.
//= $special ?>