Iċ-Champions Maltin tal-waterpolo tan-nisa Exiles se jieħdu sehem fil-LEN Champions League, li mistennija jibdew f’Novembru li ġej. It-tim Slimiż diġa applika biex jieħu sehem, u jekk jiġi aċċettat, li għandha tkun xi ħaġa inevitabbli, se jidħol fl-istorja tal-waterpolo Malti li jkun l-ewwel tim tan-nisa li jieħu sehem f’dan l-avveniment ferm importanti.
Din l-aħbar ġiet ikkonfermata wkoll mill-President tal-Exiles Andrew Paris li qal lil Net News li l-applikazzjoni minn naħa tal-klabb diġa saret. Din l-aħbar tkompli tikkonferma kemm Exiles jagħtu mportanza lit-tim tat-tfajliet, tim li rebaħ il-kampjonat Malti għal darbtejn infila u huma favoriti netti li dan l-istaġun jagħmluhom tlieta.
Mingħajr dubju Exiles huma l-aktar tim li għandu skwadra kbira mit-timijiet kollha tat-tfajliet fejn għandhom xejn anqas minn 50 tfajla fuq il-kotba tagħhom. It-tfajliet żgħażagħ ta’ Exiles jieħdu wkoll sehem fil-kampjonat tal-Under 15 tal-Boys, u dan biex it-tim ikollu futur mill-isbaħ, xi ħaġa kważi skontata minn naħa tat-tim ta’ Exiles Elia Caterers.
Kien il-kowċ preżenti tat-tim ta’ Valletta, Joe Sciortino li beda x-xogħol biex twaqqaf it-tim tat-tfajliet tal-Exiles u dan twaqqaf fl-2014 u minn hemm dan it-tim ma ħarisx lura. Dak iż-żmien il-kampjonat kien bejn Neptunes li kienu Champions Sliema ġew it-tieni u San Ġiljan it-tielet.
Peress li Exiles ma kienux qed jieħdu sehem fil-kampjonat, iżda lgħabu “out of competition” u kienu għelbu lin-Neptunes darbtejn u lis-Sliema. fl-2015 Exiles bdew jipparteċipaw fil-kampjonat tal-ASA u minn hemm ma ħarsux lura. Fl-2015 u fl-2016 il-kampjonat rebħuh is-Sliema, u fl-2017 u l-2018 ħaduh l-Exiles. Assistenti ta’ Joe Sciortino kien Gordon Zammit, li llum huwa l-kowċ tat-tim.
L-aħbar li l-Exiles femminili se jieħdu sehem fiċ-Champions kienet ikkonfermata wkoll mill-kowċ tat-tim nazzjonali Karl Izzo, li qal li fil-kamp tal-irġiel anke jekk kien hemm ftit interess minn Sliema, it-tim se jerġa’ jipparteċipa bħala Valletta, tim magħmul minn plejers tat-tim nazzjonali.
Izzo qal li kemm it-tfajliet tal-Exiles u t-tim Valletta ASA għamlu talba wkoll flimkien biex il-logħbiet ta’ kwalifikazzjoni jsiru it-tnejn Malta, f’kelma waħda ssir “joint bid”. Jekk dan jirnexxi jkun pass ieħor fid-direzzjoni t-tajba f’dan l-isport.
//= $special ?>