Futbol Sport

Juventus kontra Napoli fit-tieni ġurnata tal-kampjonat

Iċ-champions Taljani Juventus se jilagħbu kontra l-isfidanti tal-aħħar snin Napoli fit-tieni ġurnata tas-Serie A, hekk kif sar magħruf il-kalendarju tal-kampjonat Taljan.

Probabbli l-aktar logħba li tispikka fl-ewwel ġurnata hi bejn Fiorentina u Napoli. Minbarra Juventus v Napoli, fit-tieni ġurnata se jintlagħab ukoll id-derby ta’ Ruma bejn Lazio u Roma. Id-derby ta’ Milan se jintlagħab fir-raba’ ġurnata filwaqt li l-konfront mistenni bejn Inter u Juventus se jkun fis-seba’ ġurnata. Il-logħba bejn Juventus u Milan tintlagħab fit-12-il ġurnata.

Il-kampjonat Taljan jibda fil-25 ta’ Awwissu u jispiċċa fl-20 ta’ Mejju tal-2020. B’kollox se jkun hemm tliet logħbiet li jintlagħbu fost il-ġimgħa. Dawn se jkunu fil-25 ta’ Settembru, fit-30 ta’ Ottubru u fit-22 ta’ April.

Se jkun hemm ħames waqfiet tul il-kampjonat, erbgħa minħabba l-impenji tat-tim nazzjonali filwaqt li l-oħra se tkun minħabba l-waqfa tal-festi bejn id-29 ta’ Diċembru u l-5 ta’ Jannar biex b’hekk ma baqgħetx fis-seħħ il-logħob fi żmien il-festi.

Minn dan l-istaġun se jibda jkun hemm tliet logħbiet is-Sibt fit-3.00pm, fis-6.00pm u d-8.45pm. Il-Ħadd il-programm jibda fin-12.30pm, il-logħbiet tat-3.00pm, waħda fis-6.00pm u l-logħba tad-8.45pm. F’ċertu każijiet, ikun hemm ukoll logħbiet il-Ġimgħa u t-Tnejn.

L-ewwel ġurnata:Cagliari v BresciaFiorentina v Napoli, Verona v Bologna, Inter v Lecce, Parma v Juventus, Roma v Genoa, Sampdoria v Lazio, Spal v Atalanta, Torino v Sassuolo, Udinese v Milan

Tags