L-Uffiċjali fl-Etjopja qed jittamaw li jħawwlu mal-200 miljun siġar f’ġurnata waħda, — bit-tama li dan l-impenn iwaqqaf rekord dinji.
Il-Prim Ministru Etjopjan, Abiy Ahmed, qed imexxi dan il-proġett bil-ħsieb li jrażżan l-effetti tad-deforestazzjoni u l-bidliet fil-klima f’dan il-pajjiż Afrikan li tul is-snin bata minn perjodi twal ta’ nixfa.
L-inizjattiva tant ittieħdet bis-serjetà li numru ta’ uffiċini pubbliċi ngħalqu biex il-ħaddiema maċ-ċivil jinvolvu ruħhom ‘b’mod personali u prattiku’ fit-tħawwil tas-siġar.
In-Nazzjonijiet Uniti qed tgħid li z-zoni koperta mill-foresta fl-Etjopja naqsu mill-35 fil-mija tal-art totali, fil-bidu tas-Seklu Għoxrin, sa ftit aktar minn erba’ fil-mija minn wara l-2000.
Abiy Ahmed nieda l-eżerċizzju għat-tħawwil tas-siġar bħala parti mill-Inizjattiva għall- ‘Green Legacy’ li qed issir f’madwar 1,000 sit madwar l-Etopja.
Dan meta l-iskop prinċipali hu li jitħawwlu total ta’ erba’ biljun siġar.
Hu minnu wkoll li l-awtoritajiet Etjopjani daħlu ‘b’ruħhom u ġisimhom’ fl-inizjattiva, meta – għal jiem konsekuttivi – spikkaw sensiela ta’ filmati promozzjonali fuq il-media tal-Istat li ħeġġew lin-nies biex ‘iħawwlu, jikkultivaw u jieħdu ħsieb is-siġar bħala element importanti tal-wirt naturali’.
Fil-preżent, ir-rekord għall-akbar ammont ta’ siġar imħawwlin f’ġurnata waħda jinsab f’idejn l-Indja – li fl-2016 użat mat-800,000 voluntera biex iħawwlu ‘il fuq minn 50 miljun siġra.
Sadanittant, il-kritiċi tal-Prim Ministru Abiy qalu li hu qiegħed juża l-kampanja biex itellef l-attenzjoni tal-pubbliku mill-isfidi kbar li qed jiffaċċja l-Gvern tiegħu – fosthom il-konflitti etniċi li wasslu għall-eżodu ta’ madwar 2.5 persuna minn djarhom.
//= $special ?>