Fil-ġurnali tal-Ħadd u tat-Tnejn dehru avviżi bi stedina sabiex dawk kollha interessati li jersqu ‘l quddiem ikunu jistghu jikkontribwixxu fir-riforma li nieda l-PN fl-ahhar gimghat.
Dan huwa proċess ta’ ħsieb li se jkun wieħed informat, ispirat u ggwidat minn tim multi-dixxiplinarju, taħt it-tmexxija tal-eks Ministru Nazzjonalista Louis Galea; process li se jħares ‘l quddiem b’intelliġenza, bil-kalma u r-raġuni.
L-għan tar-riforma hu li taħdem għall-għaqda u t-tiġdid sħiħ tal-partit u l-politika tiegħu. Louis Galea ngħata dan il-mandat b’appoġġ unanimu tal-Kumitat Eżekuttiv tal-PN fuq proposta ta’ Adrian Delia, li s-Sibt li għadda kien konfermat bħala Kap tal-Partit Nazzjonaista mill-Kunsill Ġenerali.
It-tim tar-riforma ghandu juri kif fil-pajjiż hemm ħafna ċittadini, żgħażagħ u kbar, nisa u rġiel, li għandhom għal qalbhom l-interessi tal-pajjiż, tal-ġenerazzjonijiet futuri u tal-ġid komuni tal-poplu Malti. Dawn l-interessi għandhom bżonn l-appoġġ u l-ħarsien tal-Partit Nazzjonaista riformat u rilevanti għar-realtajiet kurrenti u futuri tas-soċjetà Maltija. Ir-riforma tal-PN mhix importanti biss għall-partitarji Nazzjonalisti, iżda hija essenzjali għall-Maltin l-Għawdxin kollha.
It-tim li se jixpruna r-riforma se jkun magħmul minn diversi individwi b’abbiltajiet differenti. It-tim għandu bżonn nies b’esperjenza ta’ kull tip, nies b’xogħol differenti u kwalifiki varji.
Għalhekk Louis Galea qed jaghmel appell għal kull min jixtieq jieħu sehem li jkun dispost li jaħdem fi spirtu ta’ djalogu, f’diskussjoni imparzjali u oġġettiva. Min jinteressa ruħu se jkun mistieden jikkommetti minimu ta’ ħames sigħat fil-ġimgħa fuq bażi volontarja u din l-inizjattiva hija miftuħa sew għall-membri tal-Partit u dawk li mhumiex, biex verament jinstabu l-aħjar talenti madwar Malta u Għawdex.
It-tim tar-riforma politika ħolistika se jaħdem fil-qrib ta’ Louis Galea fil-proċess ta’ konsultazzjoni, żvilupp u implimentazzjoni tar-riforma nnifisha.
Kull min hu interessat li jingħaqad ma’ dan it-tim, huwa mħeġġeġ jibgħat email fuq foresight@azad.org.mt sas-Sibt 24 t’Awwissu flimkien ma’ nota fejn jgħid għalfejn u kif jixtieq jikkontribwixxi, kif ukoll CV. Kull applikazzjoni tkun evalwata bl-akbar kunfidenzjalità minn Louis Galea nnifsu.
//= $special ?>