Kliem pożittiv mill-kowċ ta’ Valletta Darren Abdilla lejliet il-konfront kontra Ferencvaros. Valletta se jippruvaw idawru żvantaġġ ta’ 3-1 li sofrew ġimgħa ilu fil-Groupama Arena, b’Abdilla jammetti li mhix logħba faċli iżda fl-istess waqt mhix impossibbli.
“Urejna li kapaċi nilagħbu f’dan il-livell. Il-problema hi kif tbiddel il-mentalità ta’ ċertu plejers li jaħsbu li kapaċi biss għal Malta.” Abdilla għamel referenza għat-telfa tal-Erbgħa li għadda u saħaq li għalkemm hemm min jgħid li r-riżultat jista’ jitqies pożittiv, għalih telfa hi telfa, speċjalment minħabba li sofrew gowls li skont hu setgħu ġew evitati.
Darren Abdilla jemmen li jekk ma jagħmlux ċertu żbalji, Valletta kapaċi jiskorjaw żewġ gowls u jinsab fiduċjuż li dan jistgħu jagħmluh jekk ikunu organizzati u dixxiplinati tattikament. “Mhux se niggarantixxu li nirbħu imma se nippruvaw.”
Abdilla għamel aċċenn għad-debutt li kellu fl-aħħar logħba Yuri Messias. Mistoqsi minn dan il-ġurnal dwar x’jista’ joffri differenti mill-plejers li diġà kellu, Abdilla qal li Messias hu plejer li jħobb iżomm il-ballun u jipponta għal wieħed kontra wieħed.
Il-kowċ ta’ Valletta se jkollu jagħmel tibdil sfurzat hekk kif Steve Borg u Nicholas Pulis jinsabu sospiżi. Huma jiżdiedu mal-lista ta’ plejers imweġġgħin hekk kif żgur neqsin se jkun hemm Jonathan Caruana, Santiago Malano u Bojan Kaljevic filwaqt li Douglas Packer u Henry Bonello huma dubjużi, b’wieħed mill-aħħar tnejn tal-anqas mistenni jagħmilha.
Preżenti wkoll id-difensur Ryan Camilleri li mistenni jkun il-captain tat-tim fil-ġurnata. Hu qal li fl-iskwadra hemm ċertu ottimiżmu, għalkemm qal li se jilagħbu kontra skwadra valida li hi ta’ klassi differenti. Hu jemmen li dawn il-logħbiet jagħtu motivazzjoni differenti għaliex anki l-ambjent tal-logħba jistieden lilhom biex iqumu għall-okkażjoni.
Il-logħba bejn Valletta u Ferencvaros se tintlagħab fis-Centenary Stadium fit-8.00pm u se tixxandar b’mod dirett fuq Net Television, b’kummentarju ta’ Christian Micallef u b’kummenti tekniċi ta’ Konrad Sultana.
//= $special ?>