Futbol Sport

Patrice Evra jirtira mill-futbol milgħub

L-eks plejer internazzjonali Franċiż Patrice Evra ħabbar li rtira mill-futbol fl-età ta’ 38 sena. Evra lagħab għal 20 sena bħala plejer professjonali u fil-karriera tiegħu lagħab ma’ Nice, Monaco, Manchester United, Juventus, Olympique Marseille u West Ham. Il-Franċiż beda t-taħriġ biex jikseb il-liċenzji tal-kowċing u għandu l-ħsieb li jġib il-liċenzja UEFA A, iżda se jieħu sena mistrieħ qabel jeqleb b’mod professjonali bħala kowċ.

Fost l-aħjar żmien tiegħu fil-karriera, jispikkaw it-tmien snin li għamel ma’ Manchester United fejn magħhom rebaħ ħames darbiet il-Premier League, darba ċ-Champions League u tliet darbiet il-League Cup. Evra rebaħ darbtejn is-Serie A ma’ Juventus u t-Tazza Franċiża ma’ Monaco.

Mat-tim nazzjonali Franċiż, Evra lagħab 81 logħba bejn l-2004 u l-2016 u kien parti mit-tim f’żewġ edizzjonijiet tat-Tazza tad-Dinja u tliet edizzjonijiet tal-Kampjonat Ewropew.