Internazzjonali

Russja: Il-Kap tal-Oppożizzjoni Navalny joħroġ mill-isptar biex ikompli jiskonta l-ħabs

Il-politiku Alexei Navalny, li hu l-aktar personalità prominenti tal-Oppożizzjoni Russa, ħareġ mill-isptar fejn kien rikoverat għal dawn l-aħħar jiem u fost rapporti li hu ‘kellu jkun ittrasferit lura lejn il-ħabs’. Navalny, aktar kmieni fix-xahar, kien ikkundannat għal 30 jum ħabs wara li sejjaħ għad-dimostrazzjonijiet li saru f’Moska, fi tmiem il-ġimgħa, mingħajr il-permess tal-awtoritajiet.

Ir-rapporti inizjali qalu li Navalny iddaħħal l-isptar wara li sofra reazzjoni alleġerika akuta, fejn, fost oħrajn, intefaħlu wiċċu filwaqt li spiċċa jbati bil-problemi f’għajnejh.

It-tabiba li trattat lil Navalny, intant, insistiet li hu ‘kellu jibqa’ taħt osservazzjoni (fl-isptar) peress li hu qatt qabel ma kien sofra minn xi allerġija.’ Dan meta ma kienx eskluż li Navalny seta’ spiċċa espost għall-‘elementi tossiċi’.

Qabel ħareġ mill-isptar, l-iskwadra medika ma’ Navalny qalet li rnexxielha tavviċinah u tirranġa biex jittieħdu l-kampjuni minn xagħru flimkien ma’ kampjuni ‘mit-T-shirt li kien liebes’, Dawn il-kampjuni kellhom ikunu suġġetti għal testijiet indipendenti.

It-tabiba personali ta’ Navalny, Anastasia Vassilieva, qalet li l-kap tal-Oppożizzjoni ‘kellu reazzjoni għal sustanza li definittivament kienet aġent kimiku’ u li hu ‘jeħtieġ ikun taħt superviżjoni medika kontinwa.’

Sadanittant, spiċċaw arrestati mal-1,400 persuna waqt id-dimostrazzjonijiet ‘ipprojbiti’ ta’ nhar is-Sibt f’Moska, fejn in-nies ipprotestaw għall-esklużjoni ta’ kandidati tal-Oppożizzjoni mill-elezzjonijiet lokali li se jsiru fit-8 ta’ Settembru.

L-Unjoni Ewropea kritikat l-użu ‘sproporzjonali’ tal-forza mill-pulizija mad-dimostranti fejn qalet li l-azzjonijiet tal-qawwiet tal-liġi f’Moska ‘marru kontra d-drittijiet fundamentali tan-nies biex jesprimu fehmiet fundamentali waqt dimostrazzjoni’.