Kultura Lokali

San Lawrenz jittieħed għall-qima fil-Kolleġġjata ta’ Bormla f’avveniment storiku għall-Kottonera

Avveniment storiku għall-Kottonera hekk kif fl-aħħar sigħat l-istatwa ta’ San Lawrenz ittieħdet għand il-ġirien Bormliżi.

Kien hawn li għal din l-okkażjoni, il-Knisja Kolleġġjata ta’ Bormla żżejnet bid-damask f’atmosfera ta’ festa għal dan l-avveniment li qed iseħħ għall-ewwel darba f’75 sena.

Dan l-avveniment qed isir fl-okkażjoni ta’ pellegrinaġġ li se jfakkar il-75 sena mindu l-istatwa ta’ San Lawrenz ittieħdet f’Bormla biex tkun protetta mill-qilla tal-gwerra, li għamlet diżastru fl-inħawi fejn fost oħrajn inqerdu diversi knejjes u kappelli.

Fit-30 ta’ Lulju tal-1944 din l-istatwa kienet ġiet ritornata lura f’pellegrinaġġ speċjali, li se jkun imfakkar mill-ġdid għada. Dan biex l-istatwa tkun fil-Birgu għall-kumplament tal-attivitajiet u funzjonijiet li jwasslu għall-festa tal-10 t’Awwissu.

Iżda l-episodji li se jibqgħu mnaqqxa fl-istorja tal-Kottonera ma jiqfux hawn. Dan hekk kif reffiegħa Bormlżi, għada, mistennija jwasslu lil San Lawrenz sad-daħla tal-Birgu. Dan bis-sehem ukoll tal-Fratellanza tal-Immakulata Kunċizzjoni ta’ Bormla.

Ikun hawn li f’azzjoni simbolika, huma jgħaddu l-istatwa ta’ San Lawrenz f’idejn ir-reffiegħa tal-Birgu li jirritornawha lejn il-knisja tagħhom.