Lokali Qorti

Sentejn ħabs u multa ta’ €5,000 fuq theddid bil-mewt u ġrieħi ħfief fil-konfront ta’ Spettur

Raġel ta’ 42 sena minn Ħaż-Żebbuġ ġie kkundannat sentejn ħabs u mmultat €5,000 wara li nstab ħati li fil-bini tal-Qorti hedded li joqtol Spettur mara li kienet għadha kemm ressqitu fuq każ ta’ vjolenza domestika. Huwa nstab ħati wkoll li kkaġuna ġrieħi ħfief fuq l-Ispettur Kylie Borg wara li kkaġunalha brix f’idejha.

Il-Maġistrat Joseph Mifsud sab lil ħati li wettaq dawn ir-reati fit-22 ta’ Lulju. Mill-provi rriżulta li wara li l-Maġistrat Charmaine Galea ċaħditlu t-talba għall-ħelsien mill-arrest huwa beda jgħajjat, jidgħi u qam biex jersaq lejn l-Avukat Michael Tanti Dougall li kien qed jiddefendih.

Huwa beda jgħajjar lill-Ispettur Borg u meta wissietu li kien se jkompli jgħarraq lilu nnifsu b’dak li kien qed jagħmel kompla jgħajjarha, fosthom bi kliem bħal “ja żibel”, huwa għajjar ukoll lill-Maġistrat Galea “kattiva” u “ma tafx x’inhi tagħmel”.

Meta l-ispettur Borg ippruvat twaqqfu huwa qaleb bank u hedded li joqtolha waqt li baqa’ jgħajjarha sakemm tniżżel fil-‘lock-up’ tal-Qorti qabel ittieħed lejn il-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.

Fis-sentenza tiegħu l-Maġistrat Mifsud għamilha ċara li huwa ma jridx li l-uffiċjali tal-Pulizija jiddemoralizzaw ruħhom għax għad hawn min jaħseb li huwa ‘l fuq mil-liġi u saħaq li attakk fuq il-pulizija huwa attakk fuq is-soċjetà kollha.

Fl-istess waqt li ikkundannah sentejn ħabs huwa stieden lid-Direttur tal-Ħabs biex jagħtih kull għajnuna biex jiffaċċja l-vizzju tad-droga u lill-istess biex jagħraf jibdel ħajtu.