“Qed nistennew logħba diffiċli u rridu nkunu serji u nirrispettaw l-avversarji tagħna.” Kliem il-kowċ Ukren ta’ Ferencvaros Sergei Rebrov li waqt konferenza stampa qasira wissa lit-tim tiegħu biex ma jiħux l-affarijiet faċli.
Rebrov għamel referenza għal aktar minn darba dwar l-aggressività li t-tim Belti lagħab biha fil-Groupama Arena. Hu qal li minn xi logħbiet li segwew tat-tim Malti, Valletta dejjem lagħbu b’dan l-istil u saħansitra saħaq li stenna li se jkunu aktar aggressivi.
“Kont inkun kuntent aktar kieku spiċċajna 3-0 imma stajna spiċċajna 3-2. Irridu noħorġu u niddominaw il-logħba.” Rebrov qal li se jkun qed jibdel xi ħaġa żgħira tattikament iżda mistoqsi għal darba darbtejn dwar tibdil tattiku jew bdil ta’ plejers li jista’ jagħmel, Rebrov irrifjuta li jiżvela dak li għandu fi ħsiebu. Hu għandu l-fortuna li mistenni jkollu l-iskwadra kollha għad-dispożizzjoni.
Il-logħba bejn Valletta u Ferencvaros se tintlagħab it-Tlieta fis-Centenary Stadium fit-8.00pm u se tixxandar b’mod dirett fuq Net Television, b’kummentarju ta’ Christian Micallef u b’kummenti tekniċi ta’ Konrad Sultana.