Il-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna ħejja lill-unjins u l-imsieħba soċjali għal dak illi jidher li se jkun slowdown ekonomiku. Dan habbru l-Ministru stess fil-laqgħa tal-MCESD, fejn ammetta li t-tkabbir ekonomiku qiegħed inaqqas. Fl-istess ħin, Scicluna ammetta li fl-ewwel parti tal-2019 qed nesperjenzaw defiċit u li saħansitra, il-wegħda tal-Partit Laburista li jiġi eradikat il-faqar għadha ‘l-bogħod milli sseħħ.
Infatti, iċ-ċifri li ppreżenta l-Ministru Edward Scicluna juru kif il-prodott gross domestiku fl-ewwel kwart tal-2019 ħa tisbita kbira kkumparat mal-aħħar tlett kwarti tal-2018. It-tbassir għall-2019 juri kif se tiġi sostnuta din ix-xejra dejjem nieżla. Dan filwaqt illi l-għoli tal-ħajja qed tkompli tizdied.
Iċ-ċifri ppubblikati fl-istess preżentazzjoni juru wkoll kif il-Valur Miżjud tal-Biedja għall-2018 kiene ta’ 1% biss tal-attività ekonomika. Hawnhekk, il-Ministru Scicluna ammetta kif f’ċerti setturi, l-ekonomija qiegħda lura. Il-kostruzzjoni u s-settur tal-propjetà imbagħad jammontaw għal kważi kwart tal-attività ekonomika.
Ir-rata ta’ parteċipazzjoni tan-nisa fid-dinja tax-xogħol f’Malta jidher li għadha ferm lura mill-medja Ewropea.
F’kummenti ma’ NET News, l-imsieħba soċjali lkoll esprimew ix-xewqa li l-Gvern jindirizza l-problema tal-għoli tal-ħajja, partikolarment wara li zdied il-prezz tal-ħalib u l-posta; xi ħaġa li l-Gvern s’issa naqas li jindirizza. Jikkummentaw Joe Muscat mill-Kumitat Reġjonali għal Għawdex u Marco Bonnici mill-Unjin tal-Għalliema, l-MUT:
“Għandek faxex li ntlaqtu b’mod ħażin u dawk il-faxex irridu naraw kif għandna per eżempju, billi nħarsu lejn il-COLA bħala mekkaniżmu, xi ħaġa li ilha tissemma ħafna però għadha ma saritx.” – Marco Bonnici – Unjin tal-Għalliema (MUT)
“Fil-baġit nistennew illi jkun hemm miżuri li jindirizzaw dawn il-problemi li qed isemmi.” – Joe Muscat – Kumitat Reġjonali għal Għawdex
Intant, Josef Vella Kap Ezekuttiv tal-UĦM Voice of the Workers, appella lill-Gvern biex fil-Budget li jmiss ikun aktar ħanin mal-ħaddiema u l-familji.
“Parti mill-proposti tagħna huma biex inaqqsu mill-piż tat-taxxi fuq il-ħaddiema tagħna fid-dawl ukoll li hemm żidiet li qegħdin jolqtu l-ħaddiema, il-familji tagħhom u l-anzjani tagħna.”
Intant, fl-ewwel laqgħa tiegħu bħala Ministru għad-Djalogu Soċjali, Edward Zammit Lewis laqa’ lill-imsieħba soċjali b’appell partikolari hekk kif qal lill-unjins biex jagħmlux biss talbiet settorjali iżda jinkwadraw l-istampa l-kbira fit-talbiet tagħhom.
Matul il-laqgħa, il-President tal-MCESD, John Benicini, ħabbar kif il-Viċi-President tal-Forum Żgħażagħ Laburisti, Kearon Bruno, intgħażel biex iħejji rapport bil-proposti tal-unjins għall-baġit.
//= $special ?>