Futbol Sport

Tintemm ir-relazzjoni bejn Jose Borg u Tarxien Rainbows

Jose Borg mhux se jibqa’ kowċ ta’ Tarxien Rainbows wara deċiżjoni li ttieħdet fi tmiem il-ġimgħa. L-aħbar mistennija ssir uffiċjali fis-sigħat li ġejjin hekk kif ġie miftiehem kollox b’mod verbali u għalhekk fuq il-karta Borg għadu l-kowċ. Postu se jittieħed minn Marko Glumac li fl-istaġun li għadda kien ma’ Santa Lucia.

F’kumment waqt il-programm radjofoniku Replay Ikompli fuq Net FM, Borg ikkonferma li kien stipulat fil-bidu li l-budget se jkun limitat u saħansitra kien lest li jaħdem għalkemm kien jaf li mhux se jkun hemm tim b’saħħtu. Jose Borg qal li hu ma kienx qed jaqbel ma’ xi affarijiet u ttieħdet id-deċiżjoni matul tmiem il-ġimgħa li ma jistgħux jaħdmu flimkien. Hu kompla li d-diriġenza nbidlet għajr il-President Tony Cassar u qal li prattikament kien imiss lilu li jispiċċa.

L-ewwel esperjenza ta’ Jose Borg fil-Kampjonat Premier kienet ma’ St. Andrews f’nofs l-istaġun 2015/16 u prattikament b’mod mirakoluż salva lit-tim fil-play-off kontra Senglea Athletic. F’Ottubru tal-2016 hu kien mibdul minn Danilo Doncic. Borg kien ingħaqad ma’ Pietà Hotspurs bħala assistent kowċ u kowċ tat-tim ta’ taħt id-19-il sena.

Fl-aħħar żewġ staġuni, Jose Borg mexxa lil Tarxien Rainbows. Fl-ewwel staġun tiegħu salva lit-tim f’kampjonat diffiċli, b’rebħa fil-play-off kontra Żejtun Corinthians. Fl-istaġun li għadda, Tarxien Rainbows temmew fil-11-il post.