Lokali

U-TURN OĦRA: Konferma li l-Avviż Legali dwar il-kostruzzjoni sar b’għaġla

Wara ġimgħat sħaħ jinsisti ma’ Net News  illi l-Avviż Legali dwar il-kostruzzjoni mhux se jinbidel, il-Ministru Ian Borg ħabbar li effettivament dan se jkollu jiġi emendat.

Din id-deċiżjoni kien sforzat joħodha wara li spiċċa dahru mal-ħajt bil-pressjoni kbira li kellu minn diversi professjonisti u n-nies fl-industrija. Iżda biex ma jidhirx li għamel U turn, minflok biddel l-avviż legali, se jdaħħal emenda għalih.

L-emenda qed tiddaħħal wara pressjoni kontinwa li saret mill-Kamra tal-Periti, li eventwalment ingħatat raġun minkejja li l-Ministru spiss irrepetielna li jistgħu jitolbu laqgħat kemm iridu imma se jwebbes rasu.

L-emenda, li ddaħħlet bil-qbil ukoll tal-MCAST, il-Kamra tal-Inġiniera u l-iżviluppaturi, se twassal biex jiżdiedu professjonisti oħra li jistgħu jservu bħala site technical officers (STO).

Il-bidla se tinkludi lil dawk kollha b’Baċellerat fl-inġinerija waqt li se ssir bidla wkoll biex issa site technical officer irid jiġi aċċettat, u mhux approvat mill-perit wara li jkun nominat mill-kuntrattur.

U minkejja li kien iddikjara li mhu se jbiddel xejn minn Avviż Legali li kien deskritt bħala wieħed li ddaħħal b’għaġġla, issa l-Ministru Ian Borg stess spiċċa sfurzat jagħmel din id-dkjarazzjoni: “Dan hu pass importanti imma għadna ma wasalniex.”

Saħansitra kellu jammetti li hemm siti li qed jaħdmu mingħajr ma jimxu mar-regoli tal-Avviż Legali, iżda dwar dan waħħal fid-direttiva li ordnat il-Kamra tal-Periti.

L-istess Kamra tal-Periti li mistennija tirtira d-direttivi li kienet ordnat wara li l-Gvern ma kellux għażla oħra ħlief li jċedi għat-talbiet tagħha … li issa huma kkonfermati bħala talbiet li kienu ġustifikati.