Lokali

Bejgħ tal-passaporti: 60% tal-“Maltin” ġodda huma Ċiniżi

Ikomplu jfeġġu iktar aħbarijiet dwar l-iskema tal-bejgħ tal-passaporti Maltin. Skont ir-rivista The Economist, 60% tal-passaporti Maltin mibjugħa minn Henley & Partners inxtraw minn ċittadini Ċiniżi.

Fl-Artiklu, The Economist janalizza l-fenomenu ta’ eluf ta’ Ċiniżi li qed jixtru visas jew saħansitra passaporti f’pajjiżi fejn l-Ingliż huwa lingwa uffiċjali. Iżda filwaqt li l-iktar pajjiżi mfittxija bħall-Istati Uniti, l-Awstralja u l-Kanada jew huma għoljin wisq jew għandhom numru limitat, iċ-Ċiniżi qed iħarsu lejn pajjiżi oħrajn bħal Malta bħala l-bieb għall-pajjiżi kollha membri tal-Unjoni Ewropea.

Dan wassal biex iċ-Ċiniżi huma l-ikbar klijenti tal-passaport Malti u skont figuri miġbura minn The Economist, 60% tal-passaporti Maltin – mill-bidu tal-iskema sal-aħħar tal-2017 – inxtraw minn Ċiniżi.

Lura fl-2016, il-ġurnalista Daphne Caruana Galizia kienet irrappurtat kif industrijalisti Ċiniżi kienu qed jixtru l-passaport Malti biex ikollhom aċċess għall-Unjoni Ewropea. Fil-fatt, hi kienet irrapportat dwar biljunarju Ċiniż bl-isem ta’ Zhongtian Liu flimkien mal-familja tiegħu, xtara l-passaport Malti.

Interessanti l-fatt hu li l-Gvern Ċiniż ma jippermettix iċ-ċittadini tiegħu li jkollhom passaport ta’ pajjiż ieħor Kif jidher fl-informazzjoni miġbura minn Forbes, Liu jidher li żamm iċ-ċittadinanz Ċiniża. L-implikazzjoni hi li ċ-Ċiniżi li xtraw passaporti ta’ pajjiżi oħra, għamlu dan fuq suspett ta’ tixħim ta’ uffiċjali għolja fil-Gvern Ċiniż biex jagħlqu għajn waħda.

Dan iċ-ċittadin “Malti” jinsab suspettat li wettaq waħda mill-ikbar skemi ta’ ħasil ta’ flus li tinvolvi mijiet ta’ miljun ta’ dollari.

Sadanittant, kif irrapporta Net News, il-ġimgħa li għaddiet l-FIAU ħareġ ċirkolari li fiha, l-iskemi tal-bejgħ ta’ passaporti issa huma meqjusa bħala attivita’ b’riskju għoli ta’ ħasil tal-flus . Dan wara li nhar l-Erbgħa li għadda il-Kummissjoni Ewropea ippubblikat rapport dwar riskji u theddid lis-Suq Komuni li joħroġ kull sentejn. Dan ir-rapport, magħruf bħala Supranational Risk Assessment, identifika erba’ setturi ġodda li għandhom jgħaddu minn għarbiel u skrutinju iktar iebes minħabba r-riskji li dawn is-setturi iġibu magħhom f’dak li għandu x’jaqsam ma’ ħasil ta’ flus minn attivita’ kriminali jew finanzjar ta’ terroriżmu. Wieħed minn dawn l-erba’ setturi hu skemi ta’ bejgħ ta’ ċittadinanza.