Lokali

Bulgaru jweġġa’ ħafif wara li ntlaqat minn nar fi splużjoni ta’ gass

Bulgaru ta’ 63 sena weġġa’ ħafif wara li ntlaqat minn nirien kawża ta’ splużjoni ta’ ċilindru, f’San Pawl il-Baħar.

Il-każ seħħ għall-ħabta tat-3.15pm f’appartament, fi Triq il-Mosta, wara li l-barrani biddel iċ-ċilindru tal-gass.

Minn informazzjoni li kiseb NET News jirriżulta li meta reġa’ daħal fl-appartament, hu xamm riħa qawwija ta’ gass. Għal xi raġuni, hu pprova jixgħel il-forn u kien f’dan il-ħin li seħħet l-isplużjoni.

Kawża ta’ dan, ir-raġel intlaqat bin-nar f’wiċċu, filwaqt li l-ħġieġ ta’ waħda mit-twieqi fil-qrib spara għal nofs it-triq.

Fil-post issejħu l-Pulizija, tim mediku b’Ambulanza u membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, b’dawn tal-aħħar ħadu ħsieb jikkontrollaw in-nar.

Il-Bulgaru ttieħed l-Isptar Mater Dei għall-kura, fejn kien iċċertifikat li qed isofri minn feriti ħfief.

Aktar investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.