Lokali

Eluf ta’ fliexken bi fwejjaħ u shampoo foloz maqbuda mid-Dwana

Id-Dwana għalqet b’suċċess l-investigazzjonijiet tagħha wara li fil-jiem li għaddew Uffiċjali tad-Dwana mit-Taqsima tal-Propjeta’ Intellettwali nterċettaw erba’ containers li kienu qed iġorru eluf ta’ oġġetti foloz.

Minn wieħed mill-containers ġew elevati 26,592 flixkun fwieħa falza ta’ disgħa ditti rinomati filwaq li f’ieħor instabu 42,144 flixkun shampoo falz ta’  żewġ ditti rinomati u miż-żewġ containers l-oħra ġew konfiskati 41,436 flixkun vojt, ta’ żewġ ditti rinomati tal-fwieħa, bl-intenzjoni ċara li jiġu mimlija bi fwieħa ta’ kwalita’ inferjuri.

Dan iġib l-ammont totali ta’ oġġetti maqbuda għal 110,172 biċċa.  

Din kienet ħidma koordinata bejn it-Taqsimiet tal-Propjeta’ Intelletwali tad-Dwana, il-Container Monitoring Unit u l-iScanning Team. L-oġġetti kollha maqbuda rriżulta li huma kollha kontrafatti wara li  rappreżentanti legali f’Malta tal-kumpaniji right holders rispettivi, li huma propjetarji tal-marki reġistrati (trademarks), ikkonfermaw l-illegalita’ ta’ dawn il-konsenji, u kkonfermaw ukoll li tali importazzjoni tikkontravjeni id-dritt tal-propjeta’ intellettwali.

Il-kumpaniji propjetarji tal-marki reġistrati mistennija jippreżentaw rikors fil-Prim Awla tal-Qorti Ċivili kontra l-kumpaniji kontraventriċi f’kull każ.