Internazzjonali

Ġermanja: Tifel jitlef ħajtu wara li raġel imbuttah quddiem ferrovija miexja

Tifel ta’ 8 snin tilef ħajtu meta raġel imbotta lilu u lil ommu quddiem ferrovija li kienet dieħla fl-istazzjon ta’ Frankfurt.

Pulizija qalu li omm it-tifel ġiet imbuttata għal fuq il-linji tal-ferrovija imma rnexxiela titrembel fuq ġenb u salvat.

Xhieda qalu li l-persuna li nżamm mill-pulizija,  prova jimbotta wkoll lil raġel ieħor hekk kif bdiet toqrob il-ferrovija, imma dan tal-aħħar irnexxielu jibqa’ fuq il-pjattaforma.

Is-suspettat għandu madwar 40 sena u ma kienx jaf lill-vittmi. Sa issa irrifjuta li jitkellem dwar il-mottiv wara l-azzjonijiet tiegħu.

Hu kien irnexxielu jaħrab minn fuq il-post u joħroġ mill-istazzjon, imma xi nies li kienu fil-viċin żammewh sakemm waslu l-pulizija.

Minħabba dan l-inċident, l-awtoritajiet għalqu sitta mill-pjattaformi għal diversi sigħat, Ii kkawżaw dewmien u saħansitra t-tħassir ta’ diversi vjaġġi.

Ikkummenta