Futbol Sport

Gowl mas-siegħa logħob jaqta’ t-tamiet ta’ Valletta li jkomplu r-rimonta u jikkwalifikaw għat-tielet rawnd

(Ritratt: Trevor Sollars)
Valletta jkomplu l-avventura Ewropea fit-tielet rawnd tal-UEFA Europa League

Gowl mas-siegħa logħob, qata’ t-tamiet ta’ Valletta li jippruvaw iwettqu rimonta hekk kif wara d-draw ta’ 1-1, kienu eliminati mit-tieni rawnd tal-UEFA Champions League kontra Ferencvaros b’aggregate ta’ 4-2. B’dan ir-riżultat, Valletta jkomplu l-avventura Ewropea fit-tielet rawnd tal-UEFA Europa League, kontra FC Santa Coloma jew Astana.

Ferencvaros marru qrib li jiftħu l-iskor fl-ewwel minuti b’ Tokmac Nguen jolqot il-wieqfa wara li Henry Bonello kien salva parzjalment xutt fil-baxx. Reazzjoni minn Valletta fit-tielet minuta b’xutt ta’ Yuri Messias ikun salvat b’diffikultà minn Denes Dibusz.

Valletta ngħataw penalty fis-27 minuta meta Kevin Tulimieri twaqqa’ fil-kaxxa minn Gergo Lovrencsics, bir-referee Belġjan jordna penalty. Mill-11-il metru Mario Fontanella skorja b’xutt għar-rokna u kabbar it-tamiet ta’ Valletta li jagħmlu r-rimonta.

Fit-tieni taqsima, Ferencvaros żiedu l-livell tagħhom u fid-59 minuta kellhom gowl imħassar għal offside ta’ Davide Lanzafame wara li kien irċieva kross mix-xellug. Iżda minuta biss wara, Ferencvaros skorjaw l-gowl li temm it-tamiet ta’ Valletta, b’azzjoni ta’ Nguen li mix-xellug ġibed għan-nofs u b’xutt minn barra l-kaxxa għar-rokna għeleb lil Henry Bonello.

Il-gowlkiper Belti spikka fid-69 minuta meta bi bravura dawwar f’korner daqqa ta’ ras Oleksandr Zubkov. Żewġ minuti wara Bonello salva tajjeb xutt fil-baxx ta’ Davide Lanzafame. Il-Beltin dehru għajjiena u ssugraw li jsofru l-gowl fis-76 minuta meta Bonello dawwar f’korner xutt ta’ Zubkov li kien imxellef minn Joseph Zerafa wara li ftit sekondi qabel kien salva tentattiv ieħor.

Valletta baqgħu jittamaw u fid-89 minuta, Dibusz kien attent biex dawwar f’korner free-kick minn qagħda tajba ta’ Yuri Messias.

Il-logħba xxandret b’mod dirett fuq Net Television b’kummentarju ta’ Christian Micallef flimkien mal-kummenti tekniċi ta’ Konrad Sultana.