Futbol Sport

Il-captain ta’ Sliema Wanderers Alex Muscat iħabbar li rtira

(Ritratt: Joe Borg)

Id-difensur laterali u captain ta’ Sliema Wanderers Alex Muscat ħabbar li rtira mill-futbol fl-età ta’ 34 sena. Id-deċiżjoni hi motivata minn serje ta’ injuries li tappnu l-karriera tiegħu. Muscat lagħab il-karriera kollha tiegħu ma’ Sliema Wanderers, klabb li ilu partitarju tiegħu minn meta kien tifel.

 “Kienet deċiżjoni diffiċli ħafna li nieħu u rrid nammetti li qatt ma ħsibt li se tkun daqshekk iebsa. Kelli ż-żmien biex naħseb fuq din id-deċiżjoni għal aktar minn darba u erġajt għext is-snin kollha li lagħbt il-futbol, nibda minn meta bdejt il-ħolma li nilgħab man-Nursery ta’ Sliema Wanderers fl-età ta’ ħames snin. Għadni ma nistax naċċetta l-fatt li wara 30 sena nilgħab il-futbol, se jkolli ngħix mingħajr ma nilgħab,” kiteb Muscat fuq twitter.

Minkejja n-nuqqas ta’ suċċessi ta’ Sliema fl-aħħar snin, Alex Muscat baqa’ leali lejn il-klabb Slimiż fejn anki rrifjuta diversi offerti matul is-snin mingħand l-aqwa klabbs Maltin.Malli ħabbar id-deċiżjoni, ħafna kienu dawk li sellmu lil Alex Muscat inkluż sħabu fit-tim ta’ Sliema li fih raw plejer eżemplari għalihom.

Alex Muscat kien għamel id-debutt ma’ Sliema fl-istaġun 2004/05, l-istess staġun li Sliema Wanderers rebħu l-aħħar kampjonat tagħhom. Hu rebaħ ukoll darbtejn l-FA Trophy fl-istaġun 2008/09 fil-finali kontra Valletta u seba’ snin wara fil-finali kontra Balzan, liema finali ntrebħu t-tnejn bl-għoti tal-penalties. Mat-tim nazzjonali, Muscat lagħab 34 logħba.