Lokali

Il-famuża “grada” tieħu dehra ġdida

L-AFM tat dehra ġdida lill-grada taz-zona tat-taħriġ f’Pembroke, liema grada kienet spiċċat f’nofs kontroversja minħabba video li tpoġġa’ online. Issa, il-grada ġiet miksija bl-injam, u b’hekk ingħatat dehra differenti għad-daħla tax-shooting range.

Is-suldat Godwin Schembri, li kien jaħdem bħala Bombadier, kien tilef xogħlu wara l-filmat ta’ din il-grada li nxtered fuq il-midja soċjali, u li fi ftit jiem kisbet l-appoġġ ta’ eluf ta’ persuni. Fil-filmat Schembri deher qed jiżżuffjetta bil-grada, li sa dak iż-żmien ma kinitx effettiva biex twaqqaf lil min ikun irid jgħaddi bil-karozza, hekk kif wieħed seta’ sempliċiment jgħaddi minn ma’ ġenbha.

Ritratt meħud fit-30 ta’ Lulju, 2019

Schembri kien ippreżenta protest ġudizzjarju fil-Prim Awla tal-Qorti Ċivili fejn qed jallegga li huwa tkeċċa b’mod inġust u li għandu jerġa’ jingħata l-impieg lura. Godwin Schembri, tkeċċa mix-xogħol f’Novembru li għadda fuq ħsara li għamel lill-Forzi Armati ta’ Malta.

Fi protest ġudizzjarju li sar mill-Avukati Joseph Giglio u Mario Spiteri, kien intqal li d-deċiżjoni meħuda mill-Kmandant tal-Forzi Armati kienet waħda diskriminatorja u mhux raġonevoli.