Il-Gvern ta’ Muscat iffirma ftehim ma’ kumpanija ewlenija tat-telekomunikazzjoni … ftehim li wara konferenza tal-aħbarijiet li damet nofsiegħa, dawk preżenti baqgħu ma fehmux eżattament x’kien.
Min-naħa tagħna, xtaqna nistaqsu lil Muscat x’inhu eżatt dan il-ftehim. Iżda l-Prim Ministru stenna l-firem, ippoża għar-ritratti u ħarab minn bieb fil-ġenb. Dan filwaqt li l-ġurnalisti nżammu msakkra f’kamra oħra sakemm kienu assigurat li mhux se jiltaqgħu ma’ Muscat fil-kurituri ta’ Kastilja.
Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Parlamentari Silvio Schembri introduċa skema ta’ Smart Parking f’Ħal Luqa. Iżda għalkemm din kienet impinġija bħala xi ħaġa innovattiva, il-verità hi li din is-sistema diġà teżisti f’Ħal Qormi.
Fid-dawl tal-protesti ambjentali li l-Ħadd saru f’Ħ’Attard minħabba l-qtugħ eċċessiv ta’ siġar ippjanat għall-ġimgħat li ġejjin, is-Segretarju Parlamentari pprova jabbina l-idea tal-Ismart Parking mal-ambjent … fost il-perplessità tal-ġurnalisti.
Sadanittant, il-konferenza tal-aħbarijiet infetħet mill-Kap Eżekuttiv ta’ Vodafone Malta Sonia Hernandez u mill-Kap Eżekuttiv ta’ Vodafone fir-reġjun tal-Ewropa Serpil Timuray, li tkellmu dwar is-suċċess tal-kumpanija u l-futur tagħha f’Malta u madwar id-dinja.
Il-kumpanija Vodafone infetħet f’Malta fil-bidu tas-snin disgħin meta Gvern Nazzjonalista kien tejjeb is-sistema tat-telekomunikazzjoni f’pajjiżna. Dan kien wassal għall-possibbiltà li kull Malti u Għawdxi juża’ l-aqwa sistemi ta’ mobiles u aktar riċenti, l-internet.
//= $special ?>