Lokali

Il-Labour jikser il-liġi tal-Kunsilli Lokali

Biex jevita milli jkollu aktar riżenji, xahrejn biss mill-elezzjonijiet lokali, il-Partit Laburista qed jagħżel li jikser il-Liġi għax mingħalih li mhux se jinqabad.

Hekk ġara fil-lokalità tal-Marsa, fejn il-Kunsillier Lokali Laburista Colin Pace bagħat l-ittra tar-riżenja tiegħu t-Tnejn li għadda, aktarx minħabba li ma setax jara għajn m’għajn mas-Sindku Laburista Josef Azzopardi.

L-istorja kienet żvelata mill-ġurnal In-Nazzjon, li kkwota wkoll Artiklu 17 tal-Liġi tal-Kunsilli Lokali, li suppost li f’dan l-istadju tiskatta l-proċedura biex jimtela l-post vakat mill-Kunsillier li jkun irriżenja. U l-Liġi tispjega ċar li, ladarba l-ittra ta’ riżenja tasal għand is-Segretarju Eżekuttiv, din ma tistax tkun rivokata.

Fil-fatt, dan l-Artiklu partikolari jgħid li “r-riżenja tibda sseħħ mid-data li fiha s-Segretarju Eżekuttiv ikun irċieva l-avviż (l-ittra) … u l-kariga ssir vakanti minn dik id-data”. Għaldaqstant, ladarba f’dan il-każ, l-ittra tal-Kunsillier intbagħtet it-Tnejn li għadda, din id-data kellha tidħol fis-seħħ.

Is-Segretarju Eżekuttiv tal-Kunsill Marsi aċċetta din l-ittra u skatta l-proċedura biex jinforma lill-kumplament tal-membri tal-Kunsill u lid-Dipartiment tal-Gvern Lokali. Dakinhar stess, id-Direttur tal-Gvern Lokali ggwida lis-Segretarju Eżekuttiv biex ikompli l-proċedura, skont Artiklu 9 tal-istess Liġi, li jitratta l-mod kif jimtela’ l-post vakat wara riżenja.

Madankollu, u f’dan l-istadju, il-Partit Laburista pprova jevita li jitlef Kunsillier Lokali f’lokalità b’dominanza Laburista bħall-Marsa, anqas minn xahrejn mill-elezzjonijiet tal-25 ta’ Mejju. Kien għalhekk li t-tmexxija Laburista qabbdet lid-Direttur tal-Kunsillieri Lokali Laburisti, Mario Fava, biex jordna lil Colin Pace jiffriża r-riżenja tiegħu.

F’korrispondenza oħra lis-Segretarju Eżekuttiv, il-Kunsillier Laburista kkonferma li rċieva t-telefonata minn Fava biex jiffriża r-riżenja sakemm il-problema tkun trattata mat-tmexxija tal-Partit Laburista, fosthom mal-President Daniel Micallef.

Taħt pressjoni mit-tmexxija Laburista, il-Liġi baqgħet tinkiser sal-aħħar, bid-Direttur tal-Gvern Lokali aċċetta li r-riżenja tkun iffriżata u “li qatt ma seħħet”. Tant hu hekk li, l-Ġimgħa, l-istess Direttur tal-Gvern Lokali informa lis-Segretarju Eżekuttiv tal-Kunsill tal-Marsa li Pace irtira r-riżenja u għalhekk il-kariga m’għadhiex vakata.

Dan minkejja li l-Liġi, skont Artiklu 17, tispjega biċ-ċar li riżenja ma tistax tkun revokata u l-proċess biex jimtela’ post vakat jidħol fis-seħħ immedjatament ladarba r-riżenja tkun aċċettata mis-Segretarju Eżekuttiv.