Internazzjonali

Il-Pakistan: Ajruplan militari jiġġarraf f’zona residenzjali fost it-telf ta’ ħajja

Talanqas 18-il persuna tilfu ħajjithom, b’numru ta’ nies jindarbu, meta ajruplan żgħir tal-militar iġġarraf f’zona residenzjali qrib il-belt ta’ Rawalpindi.

Fit-traġedja mietu l-ħames membri tal-ekwipaġġ tal-ajruplan, flimkien ma tlettax-il ċivili fiz-zona. L-ajruplan – tat-tip King Air 350 turboprop — kien għaddej fuq titjira ta’ taħriġ meta tilef il-kontroll u kraxxja  — bin-nirien sussegwenti jaħkmu diversi djar fl-inħawi.

Numru ta’ xhieda qalu wkoll li l-ajruplan kien qed jaqbad qabel iġġarraf. Dan waqt li hu deher qed idur viċin ta’ l-ajruport fejn suppost li kellu jinżel, qabel seħħet it-traġedja.

Ix-xhieda fuq il-post qalu li l-ajruplan iġġarraf direttament fuq dar ta’ familja u bil-partijiet tiegħu jeqirdu aktar residenzi fil-viċin.

Il-katavri tal-vittmi tant spiċċaw maħruqin li jinħtieġu t-testijiet tad-DNA għall-identifikazzjoni – bis-servizzi tal-emerġenza, fl-aħħar sigħat, iwasslu lill-midruba lejn l-isptar b’urġenza.

Il-belt ta’ Rawalpindi, viċin il-kapitali Islamabad, hi s-sit tal-kwartieri-ġenerali tal-Armata tal-Pakistan. L-ajruplan inkwistjoni kien qed jintuża mit-taqsima għall-avvjazzjoni tal-Armata Pakistana.

Il-Prim Ministru tal-Pakistan, Imran Khan, ma tilifx iż-żmien biex jibgħat messaġġ ta’ kondoljanzi lill-familji tal-mejtin waqt li awgura fejqan ta’ malajr lill-midruba.