Formula 1 Sport

Jean Todt jagħti tama dwar is-saħħa ta’ Michael Schumacher

L-eks kap ta’ Ferrari u llum kap tal-FIA Jean Todt, żvela aġġornament rari fuq saħħet Michael Schumacher fejn żvela li qed jissielet biex jirkupra saħħtu u għadu jsegwi l-Formula 1 fuq it-televiżjoni. Todt spjega kif il-Ġermaniż qed jagħmel progress tajjeb mill-aċċident fl-alpi li kellu f’Diċembru tal-2013. Dakinhar Schumacher tħalla jissielet għal ħajtu wara li ħabat rasu ma’ ġebla.

“Jien dejjem attent b’dawn l-istqarrijiet imma hi vera. Jien segwejt it-tellieqa flimkien ma’ Michael Schumacher fid-dar tiegħu fl-Iżvizzera. Michael jinsab fl-aħjar idejn u qed iħarsuh tajjeb fid-dar tiegħu. Hu ma jaqtax qalbu u jibqa’ jissielet,” qal Todt lil Radio Monte-Carlo.

Todt żvela wkoll li Schumacher ibati biex jikkomunika wara l-inċident, xi ħaġa li toħloq dwejjaq lill-Franċiż. “Il-familja tiegħu qed tissielet daqsu u ovvjament il-ħbiberija tagħna ma tistax tkun kif xi darba kienet. Dan minħabba li m’hemmx l-istess komunikazzjoni bħal qabel. Hu jkompli jiġġieled u l-familja tiegħu qed tiġġieled bl-istess mod.” Il-Kap tal-FIA jżur lil Schumacher fl-Iżvizzera regolarment.

Is-seba’ darbiet rebbieħ tal-Formula 1 kien tpoġġa f’koma wara l-aċċident u qatt ma deher fil-pubbliku minn dakinhar, bit-tobba jgħidu dak iż-żmien li kien fortunat li baqa’ ħaj. Il-Ġermaniż ta’ 50 sena għamel erba’ xhur f’koma qabel inħareġ minnha ftit ftit, proċess li tlesta f’Ġunju tal-2014. Schumacher intbagħat id-dar biex ikompli jirkupra f’Settembru tal-istess sena u minn dakinhar l-aġġornamenti dwar saħħtu kienu ftit.

Ix-xahar l-ieħor, l-eks Kap tal-Formula 1 Bernie Ecclestone kien qal li “bħalissa mhux magħna imma meta jkun aħjar, iwieġeb il-mistoqsijiet kollha.”