Tibqa’ mingħajr l-ebda żblokk il-kwistjoni tal-Uffiċjali tal-Komunità – jew kif jiftakruhom ħafna, il-Gwardjani Lokali – bl-uniku pass li għamel il-Gvern u l-Aġenzija LESA jidher li għadu mhux biżżejjed.
Diversi ġimgħat ilu, l-Uffiċjali tal-Komunità bdew azzjonijiet industrijali, fosthom li ma jilbsux l-uniformi kompluta, partikolarment minħabba li talbu żidiet fil-pagi tagħhom.
Madankollu, għall-Ministru Owen Bonnici, il-ħaddiema qed jitolbu ħafna. Għal din l-istqarrija tal-Ministru fil-Parlament, ħaddiema li tkellmu ma’ NET News qalu li l-offerta li ħarġu biha l-Gvern u l-Aġenzija LESA mhix biżżejjed.
Iżda, f’pass ta’ rieda tajba, il-ħaddiema ddeċiedew li fl-aħħar jiem jirtiraw id-direttiva marbuta mal-ilbies tal-uniformi, filwaqt li direttivi oħrajn li daħlu fl-aħħar ġimgħat għadhom fis-seħħ. Il-ħaddiema qalu li dan l-irtirar parzjali sar wara suġġeriment tal-GWU, f’mossa li qed titqies mill-ħaddiema bħala biża’ mill-Union li mhux kapaċi tasal għal ftehim favurihom.
Il-ħaddiema stqarrew li meta jqisu kollox, jaraw li aħjar li kieku tħallew impjegati mal-Privat, kif kienu. Għax iħossu li kienu stmati aħjar. Fl-istess waqt, għadu mhu ċar x’qed jagħmel il-Gvern biex isewwi din is-sitwazzjoni jew jekk għandux xi pjan biex dawn l-azzjonijiet qatt ma jkollhom għalfejn jerġgħu jissejħu.
Fil-fatt, mistoqsi diversi drabi fil-Parlament, mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Kunsilli Lokali Robert Cutajar, il-Ministru responsabbli Owen Bonnici għażel li ma jweġibx għax għal kull mistoqsija li saret dwar l-Aġenzija LESA, hu wieġeb biss li l-informazzjoni se tkun qed tingħata “fis-seduta li jmiss”.
Sadanittant, it-tmexxija tal-LESA daħlet f’kontroversja oħra, hekk kif fil-Parlament irriżulta li l-kontijiet finanzjarji tal-Aġenzija ilhom ma jiġu ppreżentati għal tliet snin sħaħ. U minflok ma ħa azzjoni għal dan in-nuqqas ieħor, il-Ministru Bonnici reġa’ ħarab billi qal li se jkun qed iwieġeb “fis-seduta li tmiss”.