Internazzjonali

L-Ewropa: Tħassib dwar mikrobi potenti li qed jinfirxu fl-isptarijiet

Studju li qed jitmexxa madwar l-Ewropa żvela li tip ġdid ta’ mikrobu – jew aħjar superbug – li jirreżisti għall-antibiotiċi ‘ta’ emerġenza’ qiegħed jinfirex madwar l-isptarijiet.

Dan meta qed tintuża mediċina magħrufa bħala carbapenems f’każi fejn l-infezzjonijiet ma jistgħux ikunu trattati b’mezzi oħrajn.

Sadanittant, ir-riċerkaturi mill-Istitut ta’ Sanger ammettew li l-firxa tal-mikrobu ‘Klebsiella pneumoniae’ ( reżistenti għall-antibiotiċi) qed tagħti lok għal ‘tħassib kbir’ fis-settur tas-saħħa. Ir-riċerkaturi wissew li mikrobi oħrajn jistgħu wkoll jispiċċaw reżistenti għall-antibiotiċi minħabba l-mod uniku kif tirriproduċi l-bakterja inkwistjoni.

Il-mikrobu kapaċi jdum ħafna fis-sistema tal-ġisem mingħajr ma joħloq il-problemi għal persuni b’saħħithom. Iżda f’każi ta’ mard, il-mikrobu kapaċi jinfetta l-pulmun biex jikkaġuna l-pneumonia minbarra li jaffettwa wkoll id-demm u partijiet tal-moħħ biex jikkawża l-meninġite.

It-tabiba Sophia David, mill-Istitut ta’ Sanger, qalet li l-aktar aspett allarmanti dwar il-bakterja hu proprju li din kapaċi tilqa’ l-effetti tal-aktar antibiotiċi effettivi  — bl-infezzjonijiet b’dan is-superbug qed ikunu assoċjati ma’ rata ta’ mortalità għolja.

David qalet li hu diġà inkwetanti li l-mikrobi ġodda potenti kienu l-kaġun ta’ xi 2,000 mewta fl-2015, bit-tħassib ewlieni jinvolvi l-possibbiltà li dawn l-imwiet ikomplu jiżdiedu b’rata sinifikanti f’każ li ma titteħidx azzjoni.