Internazzjonali

L-Istati Uniti: Abbuż ta’ data ‘rari’ fis-settur bankarju

Insterqu d-dettalji personali ta’ xi 106 miljun individwu madwar l-Istati Uniti u l-Kanada, wara attentat ta’ hacking fuq is-servizzi finanzjarji tal-kumpanija Capital One. Il-persuna responsabbli – mara bl-isem ta’ Paige Thompson – kienet qed tinżamm taħt arrest wara li hi, allegatament, daħlet online biex tiftaħar dwar dak li għamlet.

Kelliema għal Capital One qalu li d-data kienet tinkludi ismijiet, indirizzi u n-numri telefoniċi tan-nies li applikaw għall-prodotti tal-kumpanija. Intant, qed jingħad li l-hacker ma rnexxilhiex tikseb l-aċċess għan-numri tal-kontijiet tal-karti tal-kreditu.

L-abbuż tad-data, madankollu, qed jissemma xorta bħala ‘wieħed mill-akbar’ fl-istorja tas-settur bankarju.

Il-kumpanija Capital One hi magħrufa bħala  entità ewlenija li toħroġ il-karti tal-kreditu minbarra li topera wkoll numru ta’ banek.

Il-kelliema għal Capital One qalu, fi stqarrija, li l-abbuż affettwa mal-100 miljun individwu fl-Istati Uniti u sitt miljun persuna oħra fil-Kanada. L-istqarrija kompliet li mal-140,000 numru tas-sigurtà soċjali u mat-80,000 numru tal-kontijiet bankarji relatati spiċċaw ‘kompromessi’ fl-Istati Uniti.

Fil-Kanada, madwar miljun numru tas-assikurazzjoni soċjali tal-klijenti tal-karti tal-kreditu ma’ Capital One ukoll spiċċaw kompromessi.

Il-hacking kien identifikat fid-19 ta’ Lulju u l-kelliema għal Capital One qalu li l-hacker irnexxielha tisfrutta ‘difett fis-sistema tal-konfigurazzjoni’ fl-infrastruttura tal-kumpanija.

Minbarra l-ismijiet u d-dati tat-twelid, il-hacker anki kisbet data konnessa mal-credit scores, il-bilanċi, l-istorja tal-pagamenti u informazzjoni li tiffaċilita l-kuntatti man-nies.

Il-kumpanija Capital One sostniet li mhux probabbli li l-informazzjoni ntużat għall-frodi iżda għamlitha ċara li se tkompli tinvestiga ‘dan l-abbuż sinifikanti’. L-istess kumpanija anki qed tinnotifika lill-klijenti affettwati minbarra li tipprovdilhom moniteraġġ b’xejn għall-kreditu flimkien ma’ protezzjoni għall-identità tagħhom.