Artiklu miktub minn Charles Camenzuli
Meta sar magħruf li l-avversarji ta’ Floriana għall-ewwel rawnd tat-Tazza tat-Tazzi Ewropej kienu Ferencvárosi TC, il-ħsieb mar fuq il-mawra li l-Ungeriżi kienu għamlu f’pajjiżna fit-Tournament tal-Milied 1937. Fil-bidu tas-snin ’70, Ferencvárosi Torna Club kienu għadhom meqjusa bħala wieħed mit-timijiet ewlenin fl-Ewropa.
Kontinġent ta’ sittax-il plejer wasal Malta t-Tnejn 18 ta’ Settembru 1972 jumejn qabel l-ewwel leg fl-Istadium tal-Gżira. Jekk fil-mawra ta’ 35 sena qabel l-attenzjoni kienet fuq il-captain Gyorgi Sarosi, fl-1972 l-attenzjoni kienet fuq Florian Albert li sa dakinhar kien lagħab 74 darba għall-Ungerija.
Fit-tim kien hemm wkoll ħames plejers li lagħbu fil-finali tal-Logħob Olimpiku tal-1972 fi Munich fit-telfa ta’ 2-1 kontra l-Polonja. Dawn kienu l-gowlkiper István Géczi, Péter Vépi, Miklós Páncsics, Lajos Kü u László Branikovits.
Minkejja li d-dħul għal partita kien wieħed relattivament baxx dak ta’ 65 ċentezmu , Lm 1 fl-enclosure u Lm 2 seat riservat, l-attendenza kienet waħda fqira fejn attendew biss 2,045 spettatur. Għal Floriana, nieqes mill-formazzjoni d-difensur ċentrali Anton Camilleri li kien imsiefer, b’postu jieħdu John Holland frisk mill-wirjiet pożittivi li kellu fit-tim nazzjonali taż-żgħażagħ.
Nieqes ukoll il-gowlkiper regolari Mario Cortis li kien spiċċa sospiż mill-Kunsill tal-MFA għal erba’ snin wara li kien insulta u kien wera atteġġjament offensiv fil-konfront tal-President tal-MFA Dr. Giuseppe Mifsud Bonnici fi tmiem il-partita deċiżiva għar-rebħ tal-kampjonat 1971/72 mirbuħa 2-0 minn Sliema Wanderers fil-ħin barrani.
Post Cortis ħadu Tony ‘iż-Żażu’ Farrugia ħu Ray li kellu karriera mill-aqwa ma’ Floriana u llum kowċ tat-tim nazzjonali. Fil-formazzjoni l-fullback George Ciantar li kienu akkwistaw mit-Tielet Diviżjoni mingħand St. Andrew’s F.C. Floriana kienu mmexxija mill-eks plejer Lolly Debattista li kien ħa post Lolly Borg li kien għadu qed jiskonta sospensjoni imposta mill-MFA wara l-inċidenti fl-aħħar partita tal-kampjonat 1971-72.
L-eks editur tal-isport Benny Pace li rrapporta l-partita għal ġurnal ‘In-Nazzjon Tagħna’ taħt it-titlu ‘David iferi lil Gulija’, fost tant eloġju mistħoqq lil Floriana, jagħmel riferenza li dawk li ma marrux jaraw il-partita u l-ispettaklu li offrew Floriana, għandhom jitolbu apoloġija lill-istess Floriana wara li rriżulta li fit-tlieta ta’ wara nofsinhar meta bdiet il-partita, fl-istess waqt ir-RAI xandar il-partita ta’ ħbiberija Italja v Jugoslavja (3-1).
Bidu tal-partita. Fit-tieni minuta, goal-kick minn Tony Farrugia li kien ikklerjat ħażin minn Árpád Horváth, il-ballun spiċċa għand George Xuereb li xeħet lejn LOUIS ARPA li minkejja li kien issikkat minn Miklós Páncsics avvanza u kif il- gowlkiper István Géczi ħareġ jagħlaq l-angolu llobbja ġewwa. Gowl tal-istampi li kellu jkun deċiżiv.
Minkejja li r-reazzjoni tal-Ungeriżi kienet immedjata, Floriana b’Louis Arpa fl-aqwa partita tal-karriera kienu sfortunati meta fil-21 minuta, azzjoni ta’ Ray Xuereb lejn Arpa li minkejja ssikkat minn Miklós Páncsics xxuttja fil-baxx, qata’ lill-gowlkiper iżda l-ballun għadda tul il-lasta u spiċċa barra.
Fit-30 minuta l-istess Páncsics waqqa’ lil Arpa fil-kaxxa bir-referee jordna free-kick indirett fil-kaxxa flok penalty. L-andament baqa’ l-istess fejn bejn save u ieħor ta’ Tony Farrugia u l-ħarbiet ta’ Louis Arpa l-iskor sa tmiem il-partita baqa’ Floriana 1 Ferencvaros 0. Ammonit József Mucha fil-65 minuta għal fawl fuq Willie Vassallo.
Floriana FC: Tony Farrugia, George Ciantar, Edwin Farrugia, John Holland, Alfred Debono (Captain), Frankie Micallef, Salvu Bonello, Willie Vassallo, Ray Xuereb, Louis Arpa, George Xuereb, Kowċ: Lolly Debattista
Ferencvárosi TC: István Géczi, János Füsi, Miklós Páncsics, Péter Vépi, István Juhász, Árpád Horváth, István Szőke, László Branikovits, Flórián Albert (Captain), Lajos Kü, József Mucha (Győző Martos 73’),Kowċ : Ferenc Csanádi
Referee: Leonidas Vamvakapoulos (Greċja)
Il-partita ta’ ritorn intlagħbet f’Budapest fin-Nép Stadion fis-27 ta’ Settembru 1972 fejn Floriana kienu sfaw megħluba 6-0
//= $special ?>