Lokali Saħħa

Monte Karmeli: Tkompli tikber id-deterjorazzjoni

Air conditioners ma jaħdmux. Soqfa jżommu bil-jackijiet. Madum tal-art maqlugħ. Kmamar tal-banju medjevali. Mediċini out of stock.

Dawn huma biss ftit mill-kundizzjonijiet inumani li fihom mhux biss qed jgħixu l-pazjenti tal-istpar Monte Karmeli… imma wkoll il-kudizzjonijiet li jaħdmu fihom il-ħaddiema tal-istess sptar.

Il-poplu ilu 6 snin jisma’ lill-awtoritajiet iwegħduh titjib fil-kundizzjonijiet u l-infrastruttura ta’ dan l-isptar, imma jidher ċar li l-affarijiet, minflok jirranġaw, sejrin dejjem aktar għall-għar, u bħalissa f’ward waħda biss hemm 6 air conditioners ma jaħdmux.

Persuni li tkellmu ma’ Net News qalu li dawn huma l-kundizzjonijiet li ddeskriverwhom bħala ta’ disprament li fihom huma rikoverati fost l-aktar pazjenti vulnerabbli f’pajjiżna, u staqsew x’inhu l-iskop li ssir kampanja kontra l-istigma, meta l-istess awtoritajiet m’huma qed jagħmlu xejn biex min hu rikoverat f’dan l-isptar jingħata l-aqwa kura fl-aħjar kundizzjonijiet sabiex verament ikun jista’ jagħmel progress.

Is-sitwazzjoni degradanti f’dan l-isptar naturalment minbarra li ma tgħinx fil-proċess ta’ riabilitazzjoni tal-pazjenti, ma tgħinx lanqas lill-istaff li jridu jaħdmu hemm u kemm-il darba tispiċċa wkoll tinħoloq tensjoni bejn il-pazjenti u l-istaff.

U sadanittant, pazjenti u ħaddiema jibqgħu jgħixu u jaħdmu fi struttura kkundannata b’faċilitajiet li aktar jixbħu dawk ta’ xi film tal-orrur.