Internazzjonali

Renju Unit: L-inċertezza dwar il-Brexit tkompli taffettwa l-Isterlina

L-Isterlina kompliet tnaqqas il-valur meta l-investituri qed jinkwetaw li il-‘logħba’ li qed jilgħab il-Prim Ministru Britanniku Boris Johnson dwar il-Brexit kapaċi twassal għal ‘divorzju katastrofiku’ mal-Unjoni Ewropea. Il-biża ġenerali hi li d-divorzju jiżra l-kaos fl-ekonomija tad-dinja kif ukoll fis-swieq finanzjarji.

Intant, l-Isterlina naqset, fil-konfront mad-dollaru Amerikan, sal-anqas livell minn Marzu tal-2017. Dan meta l-Isterlina tilfet 3.6 ċenteżmu mindu Johnson kien ikkonfermat Kap tal-Partit Konservattiv ( u Prim Ministru) madwar ġimgħa ilu.

Mindu ħareġ ir-riżultat tar-referendum dwar il-Brexit, fl-2016, l-Isterlina baqgħet affettwata mill-iżviluppi sussegwenti. Sadanittant, l-inċertezza dwar il-futur qed tinħass sew waqt li żdiedet il-possibbiltà li r-Renju Unit jgħaddi minn elezzjoni bikrija.

Boris Johnson wiegħed li jwassal għal ftehim ġdid dwar ‘id-divorzju’ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropa, Fl-istess ħin, il-Prim Ministru ġdid hu determinat li jistimola l-ekonomija ta’ pajjiżu ( il-ħames l-akbar fid-dinja) wara t-taqlib li karatterizza t-tmexxija tal-eks Prim Ministru, Theresa May.

Sadanittant, Boris Johnson fetaħ għal konfront ġdid u jaħraq mal-UE bl-impenn tiegħu biex jinnegozja ftehim ieħor ma’ Brussell dwar il-Brexit. F’każ li l-UE tibqa’ tirrifjuta, Johnson għamilha ċara li għandu joħroġ lir-Renju Unit mill-Unjoni, fil-31 ta’ Ottubru, irrispettivament minn jekk jintlaħaqx ftehim jew le.

Dan meta qed tikber dejjem aktar il-probabbiltà ta’ no-deal Brexit, bil-Gvern Britanniku qed jipprepara għal din l-eventwalità.