Lokali

Silenzju mill-Gvern u mill-PBS

Iktar minn 48 siegħa wara li Net News żvela li Owen Galea se jiċċaqlaq minn Kap tal-Aħbarijiet tal-istazzjon Laburista għal web manager tal-istazzjon nazzjonali, la l-Gvern u lanqas il-PBS ma’ ċaħdu din l-aħbar.

Fil-jiem li ġejjin, il-kap tal-aħbarijiet tal-media tal-Partit Laburista, Owen Galea mistenni jħalli ONE News u jerġa’ jmur fil-kamra tal-aħbarijiet tal-istazzjon nazzjonali TVM biex jikkontrolla u jmexxi l-kontenut kollu fuq il-website ta’ TVM.

Il-pjan tat-tmexxija tal-PBS u Kastilja hu li fi żmien sena oħra, Owen Galea jieħu post Reno Bugeja bħala Kap tal-Aħbarijiet tal-PBS. Bugeja, li kien innegozja pakkett finanzjarju ta’ madwar €70,000 fis-sena kellu jirtira mill-PBS f’dawn il-jiem, iżda jidher li ntalab minn Kastilja biex jibqa’ sena oħra sakemm ikun aċċertat li jinstab persuna oħra tal-qalba li jkompli jikkontrolla l-aħbarijiet kollha li jixxandru fuq TVM, tvm.com.mt, Radju Malta u Magic Malta.

Ġurnalisti mill-media Laburista qalulna li jinsabu sodisfatti ħafna li Owen Galea se jħalli ONE News minħabba li l-istil ta’ tmexxija tiegħu gerrex u urta ħafna ħaddiema. Fl-aħħar xahrejn madwar ħames ġurnalisti mill-kamra tal-aħbarijiet tal-media Laburista rriżenjaw.

Iżda jekk il-ġurnalisti tal-ONE laqgħu din l-aħbar b’sodisfazzjon, mhux l-istess jista’ jingħad għall-kollegi f’TVM. Fil-fatt, Net News hu infurmat li l-miġja ta’ Galea urtat lil diversi ġurnalisti, b’mod partikolari għall-mod kif se jidħol bħala web services manager.

Dan għaliex kien hemm numru ta’ ġurnalisti li kienu wrew interess u applikaw għal din il-pożizzjoni, biex issa saru jafu li kollu għalxejn  għax il-post diġa’ ingħata.

Ta’ min jgħid li dan hu ritorn ghal Owen Galea fil-PBS. Fil-fatt, ftit wara l-elezzjoni tal-2013, hu ddaħħal fil-PBS propju biex jieħu ħsieb il-kontenut online. Iżda  f’Settembru tal-2017 hu ħalla l-istazzjon nazzjonali biex jieħu l-kariga ta’ Kap tal-Aħbarijiet ta’ One.

Ftit tax-xhur ilu Owen Galea inħatar ukoll fil-bord tad-disinji tal-bolol ma’ Norma Saliba, Clint Bajada u Clifford Galea.