Sport Waterpolo

Sirens b’mira li jerġgħu jirbħu kontra Neptunes

(Ritratt: Trevor Sollars)

Sirens Greentube se jippruvaw jirrepetu dak li għamlu fl-ewwel rawnd u jirbħu kontra Neptunes Leo Vegas biex jikkonfermaw il-potenzjal tagħhom li jisfidaw għar-rebħ tal-unuri. Aktar minn hekk, rebħa għal Sirens f’dan il-konfront tikkonferma posthom mal-ewwel tnejn fi tmiem it-tieni rawnd u għalhekk jgħaddu direttament għas-semifinali tal-play-offs.

Fl-ewwel rawnd, Sirens kienu rebħu 17-14, f’logħba li fiha kienu wettqu rimonta tajba fl-aħħar sessjoni u wara li marru minn fuq, Neptunes ma kellhomx reazzjoni.

Fil-konfront l-ieħor, Sliema Frank Salt se jfittxu li jieħdu vantaġġ minn dan il-konfront dirett fid-derby Slimiż kontra Exiles Elia Caterers. Fl-ewwel konfront kontra xulxin, Exiles kellhom bidu tajjeb u kellhom vantaġġ sa tmiem it-tieni sessjoni. Dan sakemm Sliema wettqu reazzjoni brillanti fit-tielet sessjoni u kkonsolidaw il-vantaġġ fl-aħħar sessjoni.

F’dan l-istaġun, Sliema qed juru li għamlu l-progress u l-għan tagħhom se jkun li jispiċċaw it-tieni rawnd mal-ewwel tnejn biex jgħaddu direttament mal-aħħar erbgħa. Exiles fuq in-naħa l-oħra sa issa ddiżappuntaw bi draw biss kontra San Ġiljan u seba’ telfiet. It-tim jidher li naqqas mis-saħħa tiegħu mill-istaġun li għadda u għalhekk Sliema għandhom jibdew favoriti li jiksbu t-tliet punti.

Kampjonat Premier

Illum: Sliema v Exiles 6.15pm, Sirens v Neptunes 7.30pm

L-Ewwel Diviżjoni

Għada: Birżebbuġa v Otters 6.15pm, Valletta v Marsaskala 7.30pm