Żjara li kellu l-Ministru Joe Mizzi fi Sqallija qed tqajjem bosta mistoqsijiet wara li r-Reġjun ta’ Sqallija ħabbar illi fil-laqgħat, il-President Nello Musumeci għamel pressjoni sabiex tinfetaħ rotta oħra bl-arju bejn Trapani u Malta.
Fil-fatt, kemm il-media Taljana u anke ir-Reġjun stess qed jgħidu li l-laqgħat bejn Joe Mizzi u Nello Musumeci iffukaw l-aktar fuq l-importanza li Mizzi jagħmel pressjoni mal-Ministru Ian Borg sabiex tinfetaħ rotta ġdida bl-ajru bejn Malta u Sqallija. Iżda b’sorpriża għal bosta, dan il-fatt imkien ma ssemma’ fl-istqarrija uffiċjali li ħareġ il-Gvern Malti dalgħodu – anzi, Kastilja għażlet li iżżeffen fin-nofs il-pipeline tal-gass.
Fil-fatt skont Joe Mizzi. fil-laqgħa ġew diskussi diversi temi ta’ interess bilaterali, u insista li kien hemm referenza speċjali għall-progress fuq il-proġett tal-pipeline tal-gass bejn iż-żewġ gżejjer. Xi ħaġa li skont ir-Reġjun ta’ Sqallija, qatt ma ssemmiet mill-President Nello Musumeci.
F’Novembru li għadda Joe Mizzi kien wiegħed illi dan il-proġett tal-pipeline tal-gass se jibda fi żmien sentejn, u se jgħaqqad lil Malta ma’ Gela fi Sqallija b’investiment ta’ €350 miljun.
Il-Ministru għall-Enerġija kien mistieden mir-Reġjun ta’ Sqallija biex jindirizza workshop dwar l-ilma u l-enerġija. U fi tmiem din iż-żjara hu ingħata tifkira taċ-ċeramika.
