Minkejja t-telfa ta’ 4-0 fl-ewwel konfront kontra Ventspils, il-kowċ ta’ Gżira Giovanni Tedesco jibqa’ pożittiv li t-tim tiegħu jista’ jagħmel dak li ħafna qed jgħidu li hu impossibbli li jsir u jikkwalifikaw għat-tielet rawnd tal-UEFA Europa League.
F’konferenza stampa lejliet il-konfront, Tedesco għamel referenza għat-telfa li sofrew fil-Latvja l-ġimgħa l-oħra. Hu kien irrabjat miegħu nnifsu minħabba l-mod kif lagħab it-tim u saħaq li jerfa’ r-responsabbiltà tal-prestazzjoni.
L-akbar dispjaċir tiegħu hu li jemmen li m’hemmx differenza bejn dawn iż-żewġ timijiet, speċjalment dik ta’ erba’ gowls. “Se nipprova ngħin lit-tim biex infittxu ndawru r-riżultat biex nagħmlu l-impossibbli possibbli.”
Il-kowċ Taljan ma riedx li joqgħod isib l-iskużi tar-riżultat tal-ġimgħa l-oħra u sempliċiment qal li jrid jifhem aktar x’ġara għaliex fi kliemu “kollox mar ħażin.” Hu qal li lagħbu kontra tim li qiegħed fl-aqwa tal-kampjonat apparti raġunijiet ta’ atmosfera, klima u vjaġġi twal.
Preżenti wkoll l-attakkant Amadou Samb li wara diversi xhur nieqes minħabba li kien imweġġa’, lagħab fl-aħħar parti tar-rimonta kontra Hajduk Split. Hu qal li jinsab tajjeb u għad-dispożizzjoni tal-kowċ biex jagħti l-kontribut. “Din il-logħba hi qisha finali u għandna nagħtu l-massimu biex niksbu l-kwalifikazzjoni.”
Mistoqsi dwar x’differenza bejn Giovanni Tedesco u l-kowċis passati tiegħu kemm ilu ma’ Gżira, Samb qal li hu kellu l-fortuna li jaħdem ma’ Darren Abdilla, Jesmond Zerafa u Giovanni Tedesco u kull kowċ ikollu l-metodu tiegħu. Hu semma l-mentalità vinċenti li għandu Tedesco u bħala mira għanl dan l-istaġun, Samb qed jimmira li jirbaħ il-kampjonat għaliex fi kliemu “iddejjaq jispiċċa t-tielet.”
//= $special ?>