Kunsilli Lokali Lokali

Ian Borg u Infrastructure Malta jeċċellaw fl-inkompetenza – Robert Cutajar

Ix-xogħlijiet imwiegħda fil-bypass tal-Mellieħa jibqgħu ma jsirux

Infrastructure Malta diġà kellha taqla’ darbtejn xogħlijiet fi Triq il-Marfa fil-Mellieħa

Minkejja li għaddiet aktar minn sena minn meta saru x-xogħlijiet ħżiena fil-bypass tal-Mellieħa, sal-lum it-tiswijiet imwiegħda biex jitranġa x-xogħol ħażin li sar baqgħu ma sarux.

Is-suġġett reġa’ tqanqal fil-jiem li għaddew meta residenti fil-Mellieħa fakkru f’dak li kien wiegħed il-Ministru Ian Borg f’Novembru tas-sena l-oħra meta fi tweġiba għal Mistoqsija Parlamentari mid-Deputat Nazzjonalista Chris Said kien wiegħed li dawn ix-xogħlijiet ta’ tranġar tax-xogħlijiet ħżiena li kienu saru, kienu se jsiru minnufih. Madankollu issa għaddiet aktar minn sena u dawn ix-xogħlijiet ħżiena baqgħu ma sarux.

Sadattant, Infrastruttura Malta imbarkat fuq xogħlijiet fi Triq il-Marfa fil-Mellieħa li kienet inawgurata jiem biss qabel l-elezzjonijiet ta’ Mejju li għadda u li fl-aħħar ġimgħat dawn ix-xogħlijiet, għal darba darbtejn kien jinħtieġilhom tiswijiet konsiderevoli.  Anzi f’mument minnhom Infrastruttura Malta bħal ippruvat tgħatti x-xemx bl-għarbiel billi parti minn din it-triq inżebgħet b’żebgħa ħamra fuq konkos u mhux tarmak bħall-kumplament tat-triq.

Dan il-ġurnal In-Nazzjon fil-jiem li għaddew kompla jindaga dawn iż-żewġ kontroversji li daħal fihom il-Ministru Ian Borg l-ewwel meta f’Ottubru u f’Novembru tas-sena l-oħra kien daħak bir-residenti tal-Mellieħa meta kien wegħdhom li partijiet mix-xogħol fil-bypass tal-Mellieħa jridu jingħataw wiċċ ġdid minħabba li x-xogħol li kien sar ma kienx ta’ kwalità tajba, u t-tieni, fir-rigward ta’ Triq il-Marfa fejn ix-xogħlijiet ma sarux kif mistenni tant li bil-ftit xita li għamlet ftit tal-ġimgħat ilu u bis-sħana li qed tagħmel bħalissa, żewġ partijiet minnha nqalgħu u saru ħsarat fuqhom.

Ta’ min ifakkar kif dawn it-toroq arterjali – kemm il-bypass kif ukoll Triq il-Marfa – ta’ kuljum jintużaw minn eluf ta’ sewwieqa, fosthom minn ħafna Melliħin li min-naħa tagħhom spiss ifakkru kif parti mill-bypass, b’mod stramb u kapriċċjuż, ittieħdet kontra  l-interess komuni għat-tgawdija tal-ftit.

Fir-rigward tax-xogħlijiet li kienu saru fil-bypass tal-Mellieħa kien irriżulta li l-kwalità tal-istess xogħlijiet ma kenitx tajba u għalhekk il-Ministru Ian Borg kien ammetta u wiegħed li dawn kellhom jerġgħu jsiru mill-ġdid bi spejjeż għall-kuntrattura. Sa llum dan kollu għadu ma twettaqx.

“Issa għaddiet aktar minn sena u ma jidher li hemm l-ebda sinjali ta’ xogħlijiet biex din it-triq tkun irranġatha,” qalulna residenti fil-Mellieħa.

Huma komplew li issa Infrastruttura Malta għamlet xogħlijiet ġodda fi Triq il-Marfa fil-Mellieħa wkoll u dan b’tant pompi qabel l-elezzjonijiet ta’ Mejju u issa qed jirriżulta li dawn ukoll ma sarux kif mistenni u mixtieq. 

Dawk li tkellmu ma’ In-Nazzjon qalulna li huma kienu jistennew aktar mill-Ministru Ian Borg u mhux jagħmel ripetutament stqarrijiet fiergħa, imma jkun tanġibbli u jassigura li l-flus tal-poplu jintefqu bil-għaqal u meta xogħlijiet isiru ħażin, jassigura li dawn jitranġaw minnufih u mhux jgħaddu ħafna xhur.

“Fir-rigward tal-bypass hawn qbil bejn kulħadd hawnhekk fil-Mellieħa li trid tingħata wiċċ ġdid lil partijiet minnha u l-Ministru Ian Brog kien qal li x-xogħlijiet meħtieġa ma kellhomx jitħallsu minn but il-poplu, iżda dawn kellu jagħmel tajjeb għalihom il-kuntrattur li ma għamilx xogħol ta’ kwalità tajba.”

Huma żiedu jfakkru f’dak li kien qal il-Ministru Ian Borg fis-sens li kienu saru testijiet tal-kwalità fuq wiċċ it-triq, wara li xi partijiet mit-triq ma kinux għaddew mit-test.

Ta’ min ifakkar li dak il-proġett kien sewa €2 miljun u kien qajjem kontroversja sħiħa.

Ix-xogħol kien beda f’Mejju 2017 u tul il-proċess tiegħu kien għadda minn taħt idejn kuntratturi differenti mqabbdin b’direct order, li l-Ministeru ġġustifika billi qal li ried itemm il-proġett sal-bidu tas-sajf 2018.

Ir-residenti fil-Mellieħa li f’dawn il-jiem tkellmu ma’ In-Nazzjon temmew ifakkruna li lejn tmiem is-sena l-oħra l-istazzjon tal-Partit Laburista kien għamel kampanja sħiħa jgħid li “ċertu partijiet minn Triq Louis Wettinger jew kif nafuha aħjar, il-bypass tal-Mellieħa, se terġa’ tingħata wiċċ ġdid wara li x-xogħol ma laħaqx il-livelli mixtieqa.”

Dwar il-proġett ta’ Triq il-Marfa wieħed irid ifakkar ukoll kif ripetutament anki d-Deputat Nazzjonalista Robert Cutajar għamel numru ta’ Mistoqsijiet Parlamentari lill-Minstru Ian Borg.

Robert Cutajar ripetutament akkuża lill-Gvern li qed jipprova jgħatti l-pannu bil-qargħa aħmar, waqt li akkużah ukoll li qed jgħaddi lin-nies biż-żmien, partikularment lil dawk li joqogħdu l-Mellieħa u jridu jużaw Triq il-Marfa kuljum.

Tajjeb li jingħad li għal bosta Mistoqsijiet Parlamentari tad-Deputat Nazzjonalista Robert Cutajar, il-Ministru Ian Borg ma kellu l-ebda tweġiba minkejja li fl-aħħar tliet ġimgħat din it-triq partikulari nqalgħet minnha żewġ partijiet.

F’kumment lil dan il-ġurnal, id-Deputat Nazzjonalista Robert Cutajar qal li għal darba oħra u bħal f’każi oħra fejn tidħol Infrastruttura Malta, filwaqt li r-responsabbiltajiet tat-toroq ittieħdu minn idejn il-Kunsilli Lokali, din l-entità qiegħda tipprova ripetutament tinsulenta l-intelliġenza tan-nies meta tonqos li twieġeb għal xogħlijiet ħżiena li qed isiru f’numru ta’ toroq f’pajjiżna.

Hu stramb ukoll kif il-Ministru Ian Borg naqas li jpoġġi fil-Parlament ċertifikazzjoni mill-Periti tal-istess Infrastruttura Malta dwar ix-xogħlijiet imsemmija.

Żgur li għal flus li qed jintefqu mit-taxxi tal-poplu, il-poplu Malti jistenna aħjar minn Infrastruttura Malta.