Futbol Sport

Id-difensuri van Dijk u de Ligt fost in-nominati għall-aqwa plejer tas-sena tal-FIFA

(Ritratt: FIFA)

Tliet plejers ta’ Liverpool huma fost in-nominati għall-unur tal-Aqwa Plejer tas-Sena tal-FIFA. Dawn huma d-difensur Virgil van Dijk u l-attakkanti Mohamed Salah u Sadio Mane wara li spikkaw biex Liverpool rebħu ċ-Champions League għas-sitt darba fl-istorja.

Preżenti s-soliti Cristiano Ronaldo u Lionel Messi filwaqt li fatt interessanti hu li m’hemmx plejer taċ-Champions Ingliżi Manchester City. Iż-żgħażagħ Olandiżi Frenkie de Jong u Matthijs de Ligt jinsabu mal-għaxar nominati wara staġun brillanti ma’ Ajax, żewġ plejers li issa ngħaqdu ma’ Barcelona u Juventus rispettivament.

Harry Kane hu l-uniku plejer Ingliż nominat wara li għen lil Tottenham jaslu għall-ewwel finali tagħhom fiċ-Champions League filwaqt li spikka għat-tim Ingliż biex wassalhom sas-semifinali tan-Nations League. Iż-żewġ nominati l-oħra huma Eden Hazard u Kylian Mbappe.