Lokali

L-Inġiniera kontra l-emenda tal-Gvern għall-Att dwar il-Kostruzzjoni

L-Assoċjazzjoni Maltija għall-Inġiniera Professjonali, l-MAPE,  tirreferi għal dikjarazzjonijiet rigward l-eliġibbilta’ ta’ inġiniera biex jokkupaw l-irwol ta’ Uffiċjali Tekniċi tas-Sit, fuq siti ta’ Kostruzzjoni, kif imsemmi taħt l-Avviż Legali LN180 ta’ Regolamenti tal-2019 dwar il-Prevenzjoni ta’ Ħsara lil Proprjetà minn terzi.

Il-Kunċett innifsu li jikkunsidra Inġiniera Elettriċi jew Mekkaniċi bħala eliġibbli għall-post ta’ Uffiċjal Tekniku tas-Sit, jikxef in-nuqqas kbir ta għarfien tal-awtoritajiet dwar dawn id-dixxiplini tal-inġinerija speċifiċi.

Fi stqarrija, il-MAPE kompliet tgħid kif huwa ta’ diżappunt li din in-nuqqas ta’ ftehim waslet għall-konvużjoni fil-funzjonijiet ta’ ‘Engineer’ u ta’ ‘Site Technical Officer’

Il-MAPE indikat ukoll kif Inġiniera kemm Elettriċi u Mekkaniċi, huma kompetenti fi speċjalizzazzjonijiet li jikkonċernaw l-inġinerija elettrika u mekkanika biss. Dawn huma differenti u f’ħafna każijiet mhumiex relatati mar-rekwiżiti fl-oqsma tal-arkitettura u tal-inġinerija ċivili

Il-mandat maħruġ biex jippermetti lill-gradwati biex jeżerċitaw il-professjoni ta’ inġinier elettriku jew mekkaniku, skond il-każ, jinħareġ f’dan l-ispirtu, jiġifieri li l-individwi jeżerċitaw il-professjoni tagħhom biss f’dawn l-oqsma speċifiċi tal-inġinerija fejn huma kompetenti.

Il-MAPE kompliet issostni li kwalunkwe inġinier elettriku jew mekkaniku li jeżerċita l-funzjoni ta’ Uffiċjal tekniku tas-sit se jkun qed jaġixxi barra l-qasam ta’ kompetenza tiegħuu għalhekk kontra l-istipulazzjonijiet tal-att tal-professjoni tal- inġinerija Kap 321 , u b’hekk jitlef kull protezzjoni pprovduta mil-liġi.

Il-MAPE tat parir lill-membri tagħha biex jirrispettaw l-istipulazzjonijiet Att tal-Professjoni tal-Inġinerija Kap. 321, u ma jesponux ruħhom għal impenji mhux protetti bħal dak meħtieġ minn STO, u biex iżommu l-għola livelli u valuri tal-Professjoni tal-Inġinerija.