Lokali

Il-Kamra tal-Kummerċ diżappuntata bl-abbozz ta’ liġi tal-Gvern dwar il-kera

Il-Kamra tal-Kummerċ tinsab diżappuntata bl-abbozz ta’ liġi li jemenda l-Att dwar il-Kirjiet Resdenzjali kif preżentat mill-Gvern. Dan għax temmen li bih pajjiżna se jibqa’ bogħod ferm mil-għan prinċipali li kellu jsir għalih.

Iddikjara dan il-Perit David Xuereb, President tal-Kamra tal-Kummerċ fejn ta r-reazzjoni tal-Kamra fejn jinnota li l-Gvern mhux jippreżenta pjan ħolistiku.

Filwaqt li rrikonoxxa li din il-problema fl-aħħar jidher li se tibda tiġi indirizzata, madankollu pajjiżna għadu ferm bogħod milli jirregolarizza s-settur u ma jagħtix serħan il-moħħ lil min jikri, kemm sidien u residenti.

Fost oħrajn jinnota li ma ġewx indirizzati problemi relatati ma’ kirjiet li daħlu fis-seħħ qabel l-1995 jew kif se tiġi ndirizzata l-problema ta’ żieda fil-prezz.

Innota wkoll li ma ġietx indirizzata lanqas il-problema ta’ żieda artifiċjali fil-prezz tal-kera li ġejja prinċiparjament minħabba akkomodazzjonijiet b’numru ta’ persuni li jgħixu fl-istess kamra, u ħafna drabi iktar milli jiflaħ il-post. Dan bi sfida ta’ saħħa u sigurtà li qed toħloq problema fil-valur tal-kirja tal-inħawi u jiddegrada valur tal-proprjetà.

Tħallew barra wkoll kirjiet kummerċjali, b’diżappunt ghall-membri tal-Kamra li huma wkoll għandhom bżonn sigurtà u serħan il-moħħ dwar il-kirjiet tal-postijiet li jagħmlu użu minnhom.

L-istess f’dak li għandu x’jaqsam ma’ kirjiet residenzjali short u long term fejn il-proposti huma foqra. Dan apparti li l-Att kulma qed jagħmel hu li jorbot biss lis-sid tal-art b’kuntratt mentri min jikri l-post jista’ jikser dan il-kuntratt f’dak li l-Kamra tiddesrivi bħala Att fqir u li joħloq abbużi kbar.

Il-Kamra wissiet ukoll li l-Att jagħti poter liċ-Chairman tal-Awtorità tad-Djar jew xi ħadd nominat minnu li jidħol fi kwalunkwe fond privat biex jispezzjona, jieħu ritratt u jagħmel dak kollu li hemm bżonn biex jaqdi dmiru. Tiddikjara li dan jagħti lok għal abbuż.