Mara li kienet tmexxi kolt li promwova ‘il-biża’ dwar l-aħħar tad-dinja’ spiċċat ikkundannata għal sitt snin ħabs talli żammet lis-segwaċi tagħha ‘priġuniera’ fil-Fiji u fejn huma spiċċaw suġġetti għall-vjolenza.
Shin Ok-ju, li waqqfet il-Grace Road Church, kienet ikkonvinċiet lil xi 400 persuna biex jirrelokaw għal Fiji fl-2014, wara li perswadiethom li ‘b’hekk biss setgħu jsalvaw minn diżastru naturali imminenti’.
Iżda meta s-segwaċi tagħha waslu f’Fiji, kienu ttiħdulhom il-passaporti, b’ħafna minnhom jispiċċaw imsawwtin minn membri tal-kolt ‘biex jinħelsu mill-ispirti ħżiena’.
Intant, qorti fil-Korea t’Isfel issa dikjarat lil Shin Ok-ju ħatja dwar diversi reati li jinkludu vjolenza, frodi u abbuż tat-tfal.
Id-dikjarazzjoni tal-qorti sostniet li ‘l-imputata għandha tagħti kont għall-azzjonijiet illegali li twettqu f’isem ir-reliġjon’, b’ħames uffiċjali oħra tal-knisja ( kolt) tagħha wkoll jispiċċaw ikkundannati.
Ħafna gruppi Kristjani fil-Korea t’Isfel jaqblu li l-Grace Road Church ma kienet xejn ħlief moviment eretiku.
//= $special ?>